Monday, May 6, 2024

Diskrepanza ta’ €300,000 bejn il-bilanċ bankarju u d-dħul iddikjarat

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tal-eks kappillan ta’ Marsasxlokk Dun Luke Seguna, xehed rappreżentant mit-Tax Compliance Unit. Fil-Qorti qal wieħed seta’ jinnota diskrepanza ta’ €300,000 bejn id-dħul iddikjarat u l-bilanċ bankarju.

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello, Dun Seguna qiegħed jiġi akkużat b’misapproprjazzjoni, ħasil ta’ flus, frodi u falsifikazzjoni. Wara li ħareġ li l-kappillan kien se jitressaq il-Qorti b’dawn l-akkużi, tpoġġa fuq leave amministrattiv mill-Kurja tad-Djoċesi ta’ Malta u dan sakemm jintemmu l-investigazzjonijiet kollha li hemm bżonn dwar il-provenjenza ta’ mijiet ta’ eluf ta’ ewro depożitati f’diversi kontijiet bankarji u anke ġbir ta’ flus mill-istess kontijiet. 

Qed ikun allegat li minkejja d-dħul relattivament baxx tiegħu bħala membru tal-kleru hu kellha ħames muturi u żewġ karozzi li jiswew l-elf.

Mill-bidu nett tal-każ, Dun Seguna ċaħad l-akkużi kollha kontrih fost l-oħrajn li ffroda madwar €500,000 mogħtija minn 150 parruċċani fuq medda ta’ 10 snin. Skont dak li qiegħed ikun allegat, Dun Seguna nefaq xi flus li kien irċieva mingħand il-parruċċani fuq siti pornografiċi.

Ir-rappreżentat tat-Tax Compliance Unit qal li l-każ għandhom kien ġie rreferut mid-Dipartiment tal-Investigazzjoni tar-Reati Finanzjarji (FCID) tal-pulizija.

Irriżulta li t-Tax Compliance Unit kienet identifikat diskrepanza ta’ madwar €300,000 bejn id-dħul iddikjarat ta’ Seguna u d-depożiti bankarji tiegħu. Hu kien iddepożita madwar €460,000 fil-kontijiet personali tiegħu. Meta x-xhur ġie mistoqsi jekk dan l-ammont żdietx jew naqas maż-żmien, hu wieġeb li bejn wieħed u ieħor l-ammonti baqgħu l-istess. 

L-avukat Stefano Filletti, li deher għall-Arċidjoċesi ta’ Malta staqsa lix-xhud minn fejn kien ġej is-sors tad-dħul li min-naħa tiegħu qal li fil-biċċa l-kbira kien kollu relatat mal-parroċċa fosthom skema ta’ depiżitu ta’ €10 fix-xahar, donazzjonijiet għal niċċa u anke mit-tombla.

Filletti qal li dan ifisser li l-fondi tal-parroċċa kienu qegħdin jiġu depożitati fil-kontijiet personali tiegħu. Meta x-xhur kien mistoqsi mill-istess avukat fejn marru l-flus, ix-xhud qal li wħud minnhom kienu marru lejn proġetti relatati mal-parroċċa, iżda ħafna minnhom kienu qegħdin jintefqu fir-restoranti u supermarkets.

Il-Prosekuzzjoni qiegħda titmexxa minn Ramon Bonett Sladden u Andrea Zammit.

L-avukati Jose Herrera, Alex Scerri Herrera u Matthew Xuereb qegħdin jiddefendu lil Dun Luke Seguna filwaqt li l-Avukati Stefano Filletti u Christina Sutton qed jirrappreżentaw lill-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

Sport