Sunday, December 22, 2024

Diskussa l-istrateġija tal-politika barranija ta’ Malta mal-imsieħba soċjali

Aqra wkoll

F’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), l-imsieħba soċjali ddiskutew l-istrateġija ta’ Malta għall-politika barranija ta’ pajjiżna, fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo u l-Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Carmelo Abela.

Fl-introduzzjoni tiegħu, il-Ministru Carmelo Abela sellem il-memorja tal-Ambaxxatur Salvu Borg, kif ukoll sellem lil kull persuna li ħadmet u qed taħdem fil-korp diplomatiku. Il-Ministru Abela spjega kif il-politika barranija tagħna tiddependi minn nies li jaħdmu f’isem il-pajjiż ta’ kuljum, kemm lokalment, kif ukoll barra minn pajjiżna. Għal dan l-għan, il-Ministru rrefera kif, minkejja ċ-ċokon ta’ pajjiżna, Malta qed toqrob lejn l-40 rappreżentanza tagħha madwar id-dinja, liema rappreżentanzi u missjonijiet, il-Ministru Abela rrefera għalihom bħala l-mera ta’ pajjiżna, u li għandhom l-isfidi kruċjali u partikolari tagħhom.

Filwaqt li tkellem dwar l-importanza tad-diskussjoni dwar l-istrateġija għall-politika barranija ta’ Malta, tkellem dwar il-kisbiet li għamel pajjiżna tul is-snin, liema kisbiet jagħmlulna ġieħ u jwassluna sabiex nibqgħu nemmnu fil-kontribut li jista’ jagħti pajjiżna.

Fost il-kisbiet li pajjiżna kiseb matul dawn iż-żminijiet kien hemm, fost l-oħrajn, is-summits li saru f’pajjiżna; il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea; is-suċċessi mill-aspett bilaterali – li Malta għandha relazzjonijiet tajbin kemm fuq livell politiku, ekonomiku u soċjali ma’ pajjizi barranin; l-istrateġija għall-Afrika – li Malta kienet it-tieni pajjiż tal-Unjoni Ewropea li għandha strateġija għall-Afrika, kontinent li hemm potenzjal fih; kif ukoll is-solidarjetà li Malta qed turi ma’ pajjiżi li għandhom diffikultajiet permezz ta’ tqassim ta’ vaċċini kontra l-COVID-19. Dawn kollha qed ikomplu jsaħħu r-relazzjonijiet u jkabbru l-potenzjal ta’ pajjiżna ma’ numru ta’ pajjiżi, tenna l-Ministru Abela.

Filwaqt li l-Ministru qal li rridu nkomplu nikkontribwixxu u nippromwovu l-paċi, kemm fir-reġjun tagħna kif ukoll mad-dinja kollha, qal ukoll li rridu naraw fejn irridu nagħmlu enfasi għal iktar kummerċ, negozju u opportunitajiet għall-Maltin u l-Għawdxin. Jeħtieġ li nkomplu noħolqu l-ġid, mhux biss lokalment imma anke internazzjonalment, biex nibqgħu nġibu l-ġid f’pajjizna, fejn l-aspett ekonomiku, soċjali u kulturali jkompli jikber u jissaħħaħ.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Evarist Bartolo, tkellem dwar l-Istrateġija tal-Politika Barranija ta’ Malta. Il-Ministru Bartolo spjega li din l-istrategija u l-miri tagħha, b’mod speċjali fir-rigward tal-ewwel pilastru, li jitratta l-irwol tal-politika barranija biex itejjeb il-ħajja tal-poplu, tassisti lin-negozji u titkattar il-prosperità. Hawnhekk, il-Ministru Bartolo għamel aċċenn għad-diversi opportunitajiet ta’ investiment, u ta’ attività ekonomika li hemm barra minn xtutna, fejn sostna wkoll li wieħed mill-ostakli ewlenin hija l-mentalità tagħna, hekk kif din jeħtieġ tinbidel sabiex nimxu ’l quddiem u nkomplu navvanzaw.

Il-Ministru Bartolo sostna li anke fid-dawl tal-pandemija tal-COVID-19 u l-bidliet li għaddejja minnhom id-dinja, il-ħtieġa li jinbidlu l-business models mhijiex għażla, iżda neċessità.

Ekonomija

Sport