Wednesday, April 24, 2024

Alexei Navalny jingħata l-Premju Sakharov għal-Libertà tal-Ħsieb

Aqra wkoll

Alexei Navalny ingħata l-Premju Sakharov 2021 għal-Libertà tal-Ħsieb, li huwa premju li jingħata kull sena mill-Parlament Ewropew.  Navalny kiseb prominenza internazzjonali għall-organizzazzjoni ta’ dimostrazzjonijiet kontra l-President Putin u l-gvern tiegħu, kien kandidat fl-elezzjoni Presidenzjali, u appoġġa riformi kontra l-korruzzjoni.
Waqt ċerimonja li saret illum, it-tifla tiegħu, Daria Navalnaya, irċeviet il-Premju Sakharov f’isem missierha li jinsab il-ħabs.

Navalny huwa għal aktar minn għaxar snin figura ewlenija fl-oppożizzjoni tal-pajjiż, magħruf għall-ġlieda tiegħu kontra l-korruzzjoni u l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem mill-Kremlin.  F’Awwissu tas-sena l-oħra, Navalny ġie avvelenat u qatta’ xhur sħaħ jirkupra f’Berlin. Huwa ġie arrestat mar-ritorn tiegħu f’Moska f’Jannar ta’ din is-sena u issa jinsab f’kolonja penali ta’ sigurtà għolja, fejn għandu aktar minn sentejn xi jservi. Navalny beda strajk tal-ġuħ fl-aħħar ta’ Marzu biex jipprotesta kontra n-nuqqas ta’ aċċess tiegħu għall-kura medika. F’Ġunju, qorti Russa ikklassifikat l-organizzazzjoni ta’ Navalny, il-Fondazzjoni Kontra l-Korruzzjoni, u l-uffiċċji reġjonali tiegħu bħala “gruppi estremisti”.
Fil-kliem introduttorju tiegħu, il-President tal-Parlament David Sassoli faħħar il-kuraġġ ta’ Navalny: “Huwa ġie mhedded, ittorturat, avvelenat, arrestat, mitfuħ fil-ħabs, iżda ma setgħux iwaqqfuh milli jitkellem… Huwa kellu l-kuraġġ jikkonfronta reġim awtoritarju u abbużiv u jesponi fid-dawl tax-xemx il-korruzzjoni u persuni korrotti. Alexei Navalny darba qal li l-korruzzjoni tiffjorixxi meta jkun hemm nuqqas ta’ rispett għad-drittijiet tal-bniedem. Nemmen li għandu raġun. Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni hija wkoll ġlieda għar-rispett tad-drittijiet universali tal-bniedem. Hija ċertament ġlieda għad-dinjità tal-bniedem, għall-governanza tajba u għall-istat tad-dritt”, qal Sassoli, filwaqt li appella għall-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tiegħu.

Hi hu taċċetta l-premju f’isem Navalny, Daria Navalnaya ikkritikat lil dawk li huma ħerqana li jakkomodaw lid-dittaturi fl-interess tal-pragmatiżmu, filwaqt li insistiet li l-Ewropa trid tibqa’ leali lejn l-ideali tagħha: “Meta ktibt lill-missieri u staqsejtu: X’tixtieq li ngħid quddiem il-Parlament Ewropew? qalli: għid li ħadd m’għandu jqis ir-Russja u l-Putin bħla l-istess ħaġa. Ir-Russja hija parti mill-Ewropa, u qed nistinkaw biex insiru parti minnha. Iżda rridu wkoll li l-Ewropa tistinka biex tibqa’ leali għaliha nnifisha, għal dawk l-ideat tal-għaġeb, li huma fil-qalba tagħha. Aħna nistinkaw għal Ewropa ta’ ideat, iċ-ċelebrazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-integrità.”

Preżenti wkoll fiċ-ċerimonja fi Strasburgu kien Leonid Volkov, wieħed mill-konsulenti politiċi tas-Sur Navalny li serva bħala kap tal-persunal matul il-kampanja elettorali presidenzjali ta’ Navalny fl-2018.

In-nisa Afgani li qed jiġġieldu għad-drittijiet tan-nisa f’pajjiżhom, u l-politiku Bolivjan Jeanine Áñez kienu l-finalisti l-oħra għall-Premju Sakharov tal-PE fl-2021.

Sport