Friday, May 17, 2024

Diskussa miżura li tara li jiżdiedu l-pieni għal min juża l-mobile waqt is-sewqan

Il-PM jeskludi l-possibbiltà ta’ taxxa li tiskoraġixxi l-użu tal-karozzi privati

Aqra wkoll

“Qed niddiskutu miżura kif il-pieni ta’ min jinqabad isuq juża l-mobile phone jew iċempel se jkunu qed jiżdiedu”. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela meta f’kummenti lill-ġurnalisti aktar kmieni dalgħodu qal li qiegħda tiġi aġġornata l-istrateġija nazzjonali dwar is-sigurtà fit-toroq.
Il-Prim Ministru ħabbar li qiegħda tiġi diskussa miżura biex jiżdiedu l-pieni għal min isuq u jagħmel użu tal-mobile phone u kkundanna kull forma ta’ użu tal-istess mobile, kemm messaġġi kif ukoll telefonati. Bħalissa l-piena hi ta’ €100 u jitnaqqsulek bejn minimu ta’ tliet punti u massimu ta’ sitt punti.
Il-Prim Ministru saħaq rigward il-bżonn ta’ iktar infurzar fit-toroq tagħna minn diversi entitajiet fosthom il-LESA, Transport Malta u anke l-Pulizija.
Il-Prim Ministru eskluda għalkollox il-possibbiltà ta’ miżura ta’ taxxa ġdida biex jonqos l-użu tal-karozzi privati.
“Ir-responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minnha… deħlin lejn ġranet ta’ festi. Li persuna ssuq waqt li tkun taħt l-influwenza tax-xorb jew id-droga nemmen li hija kwistjoni li tista’ twassal għal ħafna u ħafna iżjed inċidenti”, temm Abela.

Sport