Tuesday, April 30, 2024

Il-Gvern ser jibda studju dwar il-Wage Regulation Orders

Studju li se jwassal sabiex ċertu anomaliji fil-liġi eżistenti jiġu indirizzati

Aqra wkoll

F’konferenza tal-aħbarijiet marbuta mal-miżuri tal-Budget 2023, is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul ħabbar li s-sena li ġejja l-Gvern ser jibda studju dwar il-Wage Regulation Orders (WROs), liema studju se jwassal sabiex ċertu anomaliji fil-liġi eżistenti jiġu indirizzati u għaldaqstant jiġu regolati u armonizzati d-diversi setturi.

Is-Segretarju Parlamenti Ellul spjega kif f’ċertu WROs, is-sick leave jingħata wara sena li impjegat ikun ħadem fl-irwol tiegħu, filwaqt li f’oħrajn jingħata wara li l-impjegat ikun ilu sitt xhur fl-impjieg. Huwa kompla li hemm WROs oħrajn li jispeċifikaw li l-vacation leave ma jistax jittieħed qabel tliet xhur. Dan apparti li hemm sitwazzjonijiet fejn WROs ma jagħmlux referenza għall-overtime jew saħansitra jagħmlu diskriminazzjoni bejn is-sessi.

“Ir-reviżjoni tal-WROs se ssir biex kemm-il ħaddiem, kif ukoll min iħaddem, ikunu f’pożizzjoni aħjar milli kienu qabel, dan anke fil-kuntest li l-intenzjoni wara l-WROs hija li tipprovdi regolazzjoni speċjalizzata skont in-neċessità tas-settur inkwistjoni,” sostna s-segretarju parlamentari.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet, Dr Ellul semma wkoll li se tkun qed issir diskussjoni mal-imsieħba soċjali fi ħdan il-Bord dwar ir-Relazzjonijiet dwar l-Impjiegi bil-ħsieb li jiddaħħlu regolamenti biex aġenziji ta’ xogħol temporanju jiġu liċenzjati u regolati. Dr Ellul sostna li l-għan ewlieni huwa li dawn l-aġenziji jiġu liċenzjati u kumpaniji li għal xi raġuni jew oħra ma jkollhomx din il-liċenzja, jiġu skwalifikati minn kuntratti pubbliċi u ma jkunux jistgħu jġibu ħaddiema minn barra l-Unjoni Ewropea.

Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul ta’ rendikont tal-ħidma tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi. Huwa semma kif fil-perjodu ta’ bejn l-1 ta’ Jannar 2022 u l-aħħar t’Ottubru ta’ 2022, id-dipartiment investiga total ta’ 1029 każ fejn minn dawn il-każijiet 386 minnhom ġew solvuti, filwaqt li d-dipartiment bħalissa qed ikun medjatur għal 489 każ ieħor. Minn dawn l-1029 każ, 70 minnhom bħalissa għaddejjin proċeduri legali fil-qorti.

“Id-drittijiet tal-ħaddiema huma ferm għal qalb dan il-Gvern u d-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjiegi huwa katalist f’din il-mixja sabiex id-drittijiet jiżdiedu għall-ħaddiema kollha,” sostna Dr Ellul.

Is-Segretarju Parlamentari Ellul għamel referenza wkoll għal numru ta’ drittijiet ġodda, fosthom fir-rigward tal-bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol, dawk marbuta mal-ħaddiema ta’ pjattaforma diġitali u miżuri dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli. “Id-djalogu soċjali huwa kruċjali meta jsiru riformi f’dan ir-rigward. B’hekk il-Gvern se jkompli jinvesti fil-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u se jkun qed jara li dan mhux biss ikompli jissaħħaħ imma jibqa’ jiffunzjona b’mod awtonomu,” temm jgħid Dr Ellul.

Sport