Sunday, November 24, 2024

Diskussi l-inizjattivi għall-paċi fl-Ukrajna waqt laqgħa ta’ livell għoli f’Malta

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Aktar kmieni llum saru konsultazzjonijiet internazzjonali dwar prinċipji ewlenin ta’ paċi fl-Ukrajna. Il-konsultazzjonijiet kienu jinkludu parteċipazzjoni personali u online ta’ konsulenti dwar is-sigurtà nazzjonali u konsulenti tal-politika barraija minn 66 pajjiż u organizzazzjonijiet internazzjonali.

Dawn l-istess konsultazzjonijiet huma kontinwazzjoni ta’ laqgħat riċenti tal-Ukrajna u msieħba oħra f’Copenhagen fl-24 ta’ Ġunju 2023 u f’Jeddah nhar il-5 ta’ Awwissu 2023. 

Matul din il-laqgħa miftuħa u kostruttiva l-parteċipanti, kienu diskussi l-prinċipji ewlenin li fuqhom għandha tintlaħaq u tinbena paċi komprensiva, ġusta u dejjiema għal-Ukrajna. Intqal li l-kisba tal-paċi għall-Ukrajna tkun kontribut sinjifikanti għat-tisħiħ tal-paċi u s-sigurtà internazzjonali. Dan filwaqt li l-Ukrajna għadha qed tbati mill-effetti ta’ din il-gwerra mir-Russja.

“Il-paċi trid tkun ibbażata fuq il-prinċipji taċ-Charter tan-Nazzjonijiet Uniti, ir-rispett għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Assemblea Ġenerali tan-NU u l-liġi internazzjonali,” fi stqarrija maħruġa minn Malta u l-Ukrajna b’rabta mal-eżitu tal-laqgħa dwar il-prinċipji ewlenin tal-paċi għall-Ukrajna.

Wara l-laqgħa f’Jeddah, l-Ukrajna flimkien ma’ ambaxxaturi akkreditati għall-Ukrajna u esperti oħra kienu stabbilixxew gruppi ta’ ħidma dwar aspetti tal-paċi. Min-naħa l-oħra, fil-laqgħa ta’ livell għoli f’Malta, il-partijiet esploraw diversi oqsma għall-kisba ta’ paċi komprensiva, ġusta u dejjiema fosthom is-sigurtà nukleari u r-radjazzjoni, is-sigurtà tal-ikel, il-ħelsien tal-priġunieri kollha u persuni deportati u l-bini mill-ġdid tal-integrità territorjalii tal-Ukrajna.

Barra minn hekk, ġiet diskussa wkoll l-inizjattiva li jsir is-Summit dwar il-Paċi Globali fil-livell ta’ Kapijiet tal-Istat u tal-Gvern, bil-partijiet beħsiebhom jieħdu l-passi meħtieġa biex jippreparaw sew qabel dan l-avveniment.

Il-parteċipanti esprimew gratitudni lir-Repubblika ta’ Malta għall-ospitalità tagħha u l-organizzazzjoni tat-tielet rawnd ta’ konsultazzjonijiet dwar il-prinċipji ewlenin tal-paċi.

Il-konsulenti dwar s-sigurtà nazzjonali u dwar il-politika barranija se jibqgħu jaħdmu fil-qrib biex jiżguraw l-aktar appoġġ internazzjonali wiesa’ possibbli għal paċi komprensiva, ġusta u dejjiema għall-Ukrajna u għad-dinja.

Sport