Wednesday, December 25, 2024

DISTAKK

Aqra wkoll

Ma nafx jekk inix l-uniku wieħed li qed iħoss dil-ħaġa stramba: id-distakk bejn id-diskorsi li nisimgħu min-naħa tal-gvern u l-oppożizzjoni, u dak li tisma’ meta jwaqqfuk in-nies fit-toroq. Min-naħa tal-gvern, l-istess bħal fi żmien il-Prim Ministru Macmillan fir-Renju Unit tas-snin 50 tas-seklu l-ieħor: l-għajta ta’ kemm l-affarijiet sejrin tajjeb bħal qatt qabel u x’ġej aħjar dalwaqt. Min-naħa tal-oppożiżżjoni: dwar kemm l-affarijiet sejrin ħażin bil-korruzzjoni u b’kull problema li tat-Times ipoġġu fl-ewwel paġna.

Mentri n-nies titkellem b’lingwaġġ differenti. Tipprova tifhem għalex f’ċerti oqsma “tinqeda”, f’oħrajn le. Tistaqsi x’jista’ jkun hemm miktub għall-futur. Tinkwieta dwar skejjel, prezzijiet u pensjonijiet. Qisu li d-diskors ta’ naħa jew oħra qed jaslu biss sad-devoti partiġġjani.

Kien hemm żmien meta l-kelma “viżjoni” kienet politikament popolari għalkemm tant intużat ta’ spiss u fil-vojt, li spiċċat titlef kull tifsira siewja. X’aktarx li jeħtieġ tiġi rxuxtata billi jitwassal il-messsaġġ li gvern u oppożizzjoni tassew għandhom strateġija wiesgħa u ċara ta’ kif iridu li l-pajjiż jiżviluppa għall-futur.

***

TRASPARENZA

Li hemm bżonn ta’ aktar trasparenza fit-tmexxija publika u privata jidher dejjem aktar ċar. Il-metodi tal-qedem li bihom id-deċiżjonijiet jittieħdu f’ċenakli magħluqa, bla ebda kont ċar ta’ kif u għaliex qed jittieħdu, għadhom qawwija sew fostna. 

Sadattant, minn kull naħa tal-ispektrum politiku nisimgħu qbil favur it-trasparenza. Imma jgħaddi ż-żmien u fejn konna nkunu bqajna.

Forsi l-aħjar ħaġa tkun li jinstab ftehim ġenerali dwar xinhuma l-prinċipji tat-trasparenza li nemmnu fihom u tal-kriterji li għandhom jintużaw fit-twettiq tagħha. Inkella se nibqgħu lkoll nagħtu l-aqwa ġieħ lejn is-siwi tat-trasparenza waqt li ħadd ma jkun lest iwettaqha tabilħaqq.

***

RAPPORTI

F’dinja ta’ soċjetajiet kumplessi, il-kultura tar-rapporti li jsiru qabel jittieħdu d-deciżjonijiet ewlenin hi meħtieġa. Minn sena għal sena jsiru gzuz minn dawn ir-rapport, fuq bażi lokali, reġjonali, nazzjonali, settorali, internazzjonali, globali. L-Unjoni Ewropea timtela bihom, imma mhijiex waħidha f’hekk. Ir-rapporti jservu biex jilleġittimaw u jiġġustifikaw deċiżjonijiet li jittieħdu minn gvernijiet u awtoritajiet. 

Issa, wasal iż-żmien għal rapport dwar kif jitħejjew jew għandhom jitħejjew rapporti bħal dawn, ibbażat fuq l-esperjenza vasta li nkisbet tagħhom matul l-aħħar deċennji. Għax hemm rapporti eċċellenti, oħrajn medjokri, u mhux ftit fjaski totali.

Ħsibt dwar hekk dan l-aħħar waqt ħidma biex jiġi publikat mill-ġdid taħt it-tikketta  –quinque– ir-rapport ta’ Jannar 1964 imħejji mill-Professur Wolfgang Stolper u l-kummissjoni tiegħu dwar il-futur ekonomiku u soċjali ta’ Malta. Imħejji ftit qabel Malta saret indipendenti, ir-rapport Stolper żgur ma jikkwalifikax bħala fjask jew medjokri.

Ekonomija

Sport