Sunday, November 24, 2024

Diversi persuni arrestati fi protesti kontra l-gvern fl-Uganda

Aqra wkoll

Għexieren ta’ nies ġew arrestati f’Kampala – il-kapitali tal-Uganda – wara li dawn ħadu sehem fi protesti kontra l-korruzzjoni u b’dan il-mod marru kontra ordni li kienet tistipula li ma setgħux jagħmlu dan.

Avukati qalu li madwar 60 persuna, inkluż preżentatur prominenti tat-televiżjoni u tliet dimostranti mexxejja żgħażagħ, tressqu quddiem il-qrati u nżammu taħt arrest preventiv wara marċ li seħħ it-Tlieta.

Il-President Yoweri Museven, li ilu jmexxi l-Uganda għal kważi erba’ deċennji, kien diġà wissa li d-dimostranti kienu qed “jilagħbu bin-nar”.

Il-marċ ġie organizzat fuq il-midja soċjali fost rabja dwar allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni li ilhom għaddejjin u li kienu jinvolvu diversi uffiċjali pubbliċi ta’ profil għoli.
Dawn il-protesti kienu parzjalment ispirati minn dimostrazzjonijiet li seħħew ix-xahar li għadda fil-Kenja li ġiegħlu lill-President William Ruto iwaqqaf iż-żidiet ippjanati fit-taxxi.

Aktar qabel il-Pulizija qalu li kienu rrifjutaw il-permess għal din il-protesta u li ma kienu sejrin jippermettu l-ebda dimostrazzjoni li thedded il-“paċi u s-sigurtà” tal-Uganda.

Matul il-jum tat-Tlieta, uffiċjali tal-irvellijiet dehru jwettqu diversi spezzjonijiet, filwaqt li membri tal-forzi tas-sigurtà għalqu t-toroq u qagħdu għassa madwar il-bini tal-parlament.

Sport