Aktar ma’ jgħaddi żmien, aktar qed nirrealizzaw li l-istudji u r-riċerka fejn tidħol is-saħħa qed jiżdiedu. Intant, riċentament, tobba minn madwar id-dinja bdew jittestjaw l-ewwel vaċċin fid-dinja li jgħin lil dawk il-pazjenti li jkollhom il-kanċer fil-pulmun. Sa issa bosta esperti qed ifaħħru dan il-pass, hekk kif huwa mifhum li dan il-vaċċin se jsalva eluf ta’ ħajjiet.
Huwa rrapurtat li l-kanċer tal-pulmun huwa l-iktar kanċer li sfortunatament minħabba fih, il-pazjenti jitilfu ħajjithom, b’ammont ta’ madwar 1.8 miljun kull sena.
Bħalissa bosta esperti qed jittestjaw fuq il-vaċċin il-ġdid, li aktarx joqtol iċ-ċelloli tal-kanċer. Magħruf bħala BNT116 u magħmul mill-kumpanija magħrufa bħala BioNTech, il-vaċċin huwa ddisinjat biex jikkura kanċer tal-pulmun.
Il-prova fuq il-pazjenti se ssir f’seba ‘pajjiż. Dawn jinkludu: ir-Renju Unit, l-Istati Uniti, il-Ġermanja, l-Ungerija, il-Polonja, Spanja u t-Turkija. B’mod ġenerali, madwar 130 pazjent, se jingħataw it-tilqima flimkien mal-immunoterapija. Madwar 20 se jkunu mir-Renju Unit.