Tissokta ta’ kuljum il-ħidma tal-Korp tal-Pulizija fil-qalba tal-komunità bħala parti mill-istrateġija ta’ prevenzjoni li tħaddan. Dawn it-tip ta’ kontrolli fil-qalba tal-komunità huma maħsuba biex kemm jista’ jkun jipprevjenu r-reati, filwaqt li jaġixxu fil-pront fejn meħtieġ.
Għalhekk mat-timijiet tal-Pulizija tad-Distrett u tal-Komunità, li x-xogħol tagħhom huwa primarjament iffukat fil-qalba tal-ibliet u l-irħula, ta’ kuljum qed jingħaqdu mal-Pulizija taqsimiet oħra speċjalizzati bil-għan li l-Pulizija tagħmel spezzjonijiet dwar diversi aspetti.
Ma’ dawn komplew bl-ispezzjonijiet marbuta mal-immigrazzjoni, fejn l-ispezzjonijiet varjaw minn dawk f’residenzi, għal oħrajn fuq vetturi u żoni partikolari. Fost oħrajn dawn l-ispezzjonijiet saru fil-Marsa, Ħal Qormi, Wied il-Għajn u Birżebbuġa, bil-Pulizija kienet assistita mill-uffiċjali tas-Servizzi tad-Detenzjoni.
Il-persuni li jinstabu jgħixu f’Malta b’mod irregolari, minnufih qed jinżammu fiċ-Ċentru ta’ Dentenzjoni, filwaqt li fi ftit jiem ikunu ritornati lejn il-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż li legalment jistgħu jirrisjedu fih. In-nazzjonalitajiet tal-persuni misjuba fl-iktar spezzjonijiet riċenti huma mis-Serbja, mill-Marokk, mis-Sirja, mill-Ghana, mill-Gambja, mill-Mali, min-Niġerja u mill-Guinea.
Intant, il-kollaborazzjoni ma’ entitajiet oħra hi xi ħaġa spissa fejn f’oqsma oħra, bħal dawk tal-infurzar tal-liġijiet tat-toroq, hemm ħidma konġunta ma’ Transport Malta u l-LESA.
Ħidmet il-Pulizija f’dan ir-rigward se tibqa’ għaddejja fil-jiem u l-ġimgħat li ġejjin. Din hija strateġija ta’ Korp proattiv, viċin il-komunità u li jaġixxi biex jipprevjeni kemm jista’ l-kriminalità u jintbagħat messaġġ ċar favur l-ordni pubblika billi wieħed mhux biss jeduka, iżda jaġixxi u jieħu l-passi meħtieġa fejn hu neċċessarju.