Thursday, August 21, 2025

DIXXIPLINA

Aqra wkoll

Il-każi frekwenti ta’ inċidenti gravi ta’ traffiku li qed jinqalgħu; l-użu jinfirex anke fil-publiku ta’ droga b’konsegwenzi koroh għal żgħażagħ u oħrajn ta età akbar; id-diffikoltà f’ċerti lokalitajiet kbar biex ilaħħqu mat-tindif publiku u l-ġbir tal-iskart; l-abbużi sfrenati fil-bini; l-inkuranza tiżdied dwar id-dwejjaq li noħolqu lil ħaddieħor b’imġibitna fil-publiku (storbju, fastidji f’laqgħat ta’ divertiment, ipparkjar selvaġġ, lbies u diskors mhux aċċettabbli, u aktar)… kollha jiġru madwarna.

Maġġoranza siekta fil-pajjiż trid ħidma sħiħa biex problemi hekk jiġu ffaċċjati u mrażżna bil-qawwa. X’aktarx li hemm kelma waħda li tfisser xinhu mixtieq: dixxiplina. Jew żewġ kelmiet: iżjed dixxiplina. Jekk mhux aktar: ferm iżjed dixxiplina. Imma bħala kelma, dixxiplina  tinstema antikwata barra milli (kif jintqal) tberred il-ħeġġa politika tal-votanti.

Fl-imgħoddi fl-Ewropa u barra minnha, movimenti awtoritarji, faxxisti u nażisti mxew ’il quddiem b’għajtiet li jixbhu dik tad-dixxiplina. Ikun żball jekk il-forzi demokratiċi jinjoraw id-dixxiplina, kif ġieli għamlu. 

INTERESS FIL-POLITIKA

Minn ġenerazzjoni għall-oħra, l-interess popolari u impenjat fil-politika tal-partiti, mhux necessarjament partiġġjana (għalkemm ħafna hekk jaħsbu) baqa’ jmajna jew jidher li qed imajna. L-aktar fost iż-żgħażagħ imma mhux biss. Ma jidhirx li das-sentiment, li dejjem kien magħna, naqqas mas-snin. Anqas nies ta’ talent u ta’ ideal baqgħu lesti joħorġu fuq quddiem.

Niftakar snin twal ilu, kemm erwieħ qaddisa ħassewhom skandalizzati meta għedt li ż-żgħażagħ diġà dak iż-żmien kienu qed jitbiegħdu mill-politika għax ma jsibuhiex aktar sexy. 

Dik il-kritika għadha tgħodd. Ovvjament kulħadd jifhem il-kelma sexy kif irid: il-verità tibqa’ li d-dehra u r-realtà tal-politika tgħabbew wisq bil-fehma li tidħol għaliha biex tara x’hemm fiha għalik, mhux għax bħala attività tipprovdi għanijiet siewja u sbieħ għall-ħajja.

WIRT ARTNA

M’hemmx bżonn ta’ ħafna diskors biex iġġib kunsens madwar l-istqarrija li wirt artna rridu nħarsuh u nippromwovuh bl-aqwa mezzi possibbli. Il-mistoqsijiet jibqgħu dwar fhiex jikkonsisti tabilħaqq il-wirt ta’ artna. X’jeħtieġ isir biex jiġi mħares fl-ambjent naturali  u storiku? fl-ambjent urban? fl-ilsien, fil-kultura tal-imgħoddi u kontemporanja, fl-arkitettura?  U dwar x’irid isir biex dal-wirt jiġġedded. Ir-risposti li nagħtu mhux dejjem ikunu koerenti. 

Fis-sew, qed jittieħdu diversi inizjattivi serji u sostnuti minn Heritage Malta u istituzzjonijiet oħra biex il-wirt nazzjonali jinżamm fl-aqwa preġju. Madankollu jibqgħu żewġ dubji li donnhom jimminaw din il-ħidma meritevoli – dwar kemm iċ-ċittadini tagħna jivvalorizzaw tassew dal-wirt quddiem l-esiġenzi dejjem jiżdiedu ta’ xogħol, konsum u divertiment fil-pajjiż kollu kemm hu; u dwar kemm id-dominanza tas-settur tal-iżvilupp tal-bini qed tippermetti ħarsien effettiv tal-ambjent naturali u urban tal-pajjiż.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport