Dixxiplina iva, persekuzzjoni le!

- Jikteb is-Segretarju Taqsima Forzi ta’ Dixxiplina, Uffiċjali tas-Sigurtà u l-Infurzar tal-Liġi Theo Vella

Aqra wkoll

Fil-ħidma trejdunjonistika tiltaqa’ ma’ diversi sitwazzjonijiet fil-postijiet tax-xogħol, fosthom każijiet ta’ dixxiplina. Kull kodiċi ta’ dixxiplina huwa bbażat fuq prinċipju li jikkoreġi u mhux jikkastiga lill-ħaddiema, iżda sfortunatament dan mhux dejjem qed ikun il-każ.

Qed ikollna ċirkostanzi fejn id-dixxiplina qed tintuża b’mod abbużiv u twassal għall-konsegwenza li ħaddiema jmorru x-xogħol demoralizzati, bil-ħsieb f’moħħ dak li jkun li aħjar ma tagħmel xejn milli taqdi d-dover tiegħek u tispiċċa twieġeb għal xi akkużi dixxiplinarji. Agħar minn hekk, iltqajna wkoll ma’ ċirkostanzi fejn biex isir cover up ta’ xi ħadd, isir frame up fuq ħaddieħor. Fl-aħħar xhur kellna wkoll sitwazzjoni fejn xhieda li kienu preżenti waqt inċident fuq post tax-xogħol u li wassal għall-proċeduri dixxiplinarji ġew saħansitra intimidati li jekk ma jibdlux il-verżjoni tal-fatti tagħhom kienu se jiffaċċjaw il-konsegwenzi.

Kwalunkwe evidenza, kemm favur, kif ukoll kontra ħaddiem għandha tkun kollha disponibbli quddiem bord ta’ dixxiplina sabiex eventwalment issir ġustizzja u mhux persekuzzjoni. Amministrazzjoni li timxi b’dan li stil ta’ tmexxija hija garanzija ta’ falliment u eventwalment ir-riperkussjoni se tkun servizz agħar u apatija kontinwa fuq il-post tax-xogħol.

Għandna każ partikolari fejn ħaddiem ikun sospiż mill-post tax-xogħol sakemm jgħaddi proċeduri dixxiplinarji u dan għax uża forza minima meta kien se jiġi aggredit, ikun hemm rakkomandazzjoni minn żewġ bordijiet ta’ dixxiplina u għax l-amministrazzjoni tal-post konċernat ma taqbilx mar-rakkomandazzjoni jħallu ħaddiem barra mix-xogħol b’nofs paga.

B’rispett lejn il-ħaddiema konċernati mhux se nsemmi l-post tax-xogħol inkwistjoni, iżda m’għandi ebda problema ngħid li huwa post tax-xogħol governattiv. Filwaqt li l-gvern sal-lum qed ikun tassew koperattiv meta niġu għan-negozjati dwar ftehim kollettivi / settorjali b’rinumerazzjonijiet finanzjarji b’saħħithom, għandu wkoll iħares u jżomm kontabbli x’persuni jaħtar f’karigi għolja u fi rwoli sensittivi.

Nappella lill-Gvern biex jisma’ bir-reqqa kull ilment li qed jirċievi dwar abbużi ta’ dan it-tip fuq il-postijiet tax-xogħol. Bħala Segretarju responsabbli minn Taqsima fi ħdan il-General Workers’ Union diġa ressaqt dan l-ilment lill-Ministru konċernat bit-tama li jwaqqaf dawn l-abbużi minnufih.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport