It-tfal u l-familji tagħhom għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-kura tas-saħħa – Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Ian Borg

Aqra wkoll

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Ian Borg, indirizza r-raba’ Family Centred Care Conference, organizzata minn Ronald McDonald House Charities Malta b’kollaborazzjoni mal-Malta Paediatric Association. Il-konferenza laqqgħet professjonisti u organizzazzjonijiet biex jiddiskutu kif il-kura tista’ twieġeb aħjar għall-bżonnijiet tat-tfal u tal-familji tagħhom.

Dr Borg enfasizza li l-ġenituri huma sħab essenzjali fil-kura għaliex l-għarfien tagħhom dwar uliedhom jgħin lill-professjonisti joffru kura aktar adattata, permezz ta’ komunikazzjoni ċara, smigħ u parteċipazzjoni tat-tfal skont l-età tagħhom.

“Din hija opportunità biex inwasslu l-messaġġ tal-Gvern dwar il-kura tat-tfal u l-għeżież tagħhom, iżda wkoll naraw il-ħidma ta’ kumpaniji u organizzazzjonijiet li jifhmu d-diffikultajiet tagħhom. Irridu nżommu l-familja fiċ-ċentru ta’ dak kollu li nagħmlu. Għalhekk, anke filwaqt li qed nippjanaw it-tkabbir tal-Emerġenza, qed nieħdu inizjattivi mil-lum, fosthom bil-ħolqien ta’ spazju multisensorjali,” qal id-Deputat Prim Ministru.

Dan l-ispazju fl-Emerġenza ta’ Mater Dei se joffri ambjent aktar kalm għat-tfal bl-awtiżmu, bi bżonnijiet addizzjonali jew b’diffikultajiet fl-ipproċessar sensorjali. Bl-appoġġ tal-Ambaxxata Ċiniża u tal-Malta Trust Foundation, spazju inizjali fid-dipartiment eżistenti se jgħin ukoll fl-iżvilupp tal-faċilitajiet ippjanati fl-espansjoni.

Dr Borg irrefera wkoll għall-ftehim ma’ Ronald McDonald House Charities Malta dwar l-inizjattiva tal-Family Cart fejn voluntiera mħarrġa se jżuru s-swali pedjatriċi u t-Taqsima tal-Kura Intensiva tat-Trabi tat-Twelid u tat-Tfal filgħaxija, biex joffru ikel ħafif, xorb, prodotti għall-iġjene fost oħrajn b’rispett lejn ir-rekwiżiti tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet.

Huwa esprima wkoll ir-rieda li tkompli tiġi esplorata l-possibbiltà li tiġi pprovduta akkomodazzjoni għall-ġenituri li jgħixu ’l bogħod mill-isptar u li wliedhom ikunu jeħtieġu trattament għal kundizzjonijiet serji.

Semma wkoll ir-rikonoxximent formali tal-Pedjatrija fil-Komunità bħala sottospeċjalità u ħatriet ġodda ta’ konsulenti biex tissaħħaħ il-kura. It-twaqqif taċ-Child, Adolescent and Youth Services (CAYS) f’Għawdex fl-2024 u f’Malta fl-2025 qed isaħħaħ ukoll il-koordinazzjoni bejn il-kura tal-iżvilupp u s-saħħa mentali. Dawn is-servizzi jippromwovu wkoll kollaborazzjoni aktar mill-qrib mas-setturi tal-edukazzjoni, l-inklużjoni u l-ħarsien soċjali, sabiex il-bżonnijiet tat-tfal jiġu indirizzati b’mod aktar koordinat u komprensiv.

Id-Deputat Prim Ministru rringrazzja lill-professjonisti, lill-organizzazzjonijiet volontarji u lill-familji, filwaqt li saħaq li l-investiment fit-tfal u f’dawk li jieħdu ħsiebhom huwa investiment f’Malta aktar b’saħħitha u inklużiva.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport