Disturb pubbliku faqqa’ fil-belt ta’ Ballymena fl-Irlanda ta’ Fuq, bil-pulizija tgħid li numru ta’ oġġeteti ntefgħu lejn l-uffiċjali tal-ordni wara li nġabru folol ta nies ħdejn il-post fejn saret allegata aggressjoni sesswali fuq tifla taħt l-età.
L-inkwiet li nqala jsegwi protesta li saret fiż-żona, ftit il-bogħod mill-belt kapitali ta’ Belfast, aktar kmieni nhar it-Tnejn filgħaxija, fejn ġew irrappurtati ħsarat f’numru ta’ proprjetajiet.
B’rispons għall-protesta, il-pulizija avżat lis-sewwieqa u lill-persuni mexjin biex jevitaw iż-żona ta’ Clonavon Road u qalet li se jibqgħu fuq il-post biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni.
Il-Pulizija qed tħeġġeġ ukoll lil kulħadd biex jibqa’ kalm u jaġixxi b’mod responsabbli.
Il-mezzi tal-istampa u x-xandir lokali rrappurtaw li nies b’wiċċhom mgħotti bil-maskra dehru jitfgħu l-ġebel u karozza tal-pulizija kellha l-ħġieġ ta’ żewġ twieqi mkissrin.
Il-folla ta’ protestanti nġabret wara li żewġ subien tressqu l-qorti wara l-allegat attakk sesswali serju fi Triq Clonavon.
Nhar il-Ħadd, il-pulizija ħabbret li d-ditektifs li qed jinvestigaw il-każ ta’ attakk sesswali serju fuq tifla adoloxxenti fiż-żona ta’ Clonavon Terrace biswit Ballymena kienu akkużaw żewġ subien adoloxxenti.