Fid-19 ta’ Ġunju 2026, id-Dipartiment tal-Malti nieda proġett ambizzjuż għall-ilsien Malti: Dizzjunarju.mt, id-dizzjunarju nazzjonali tal-Malti fuq l-internet.
Il-Malti se jkollu dizzjunarju diġitali, miftuħ u bla ħlas, maħsub għal min jikteb, jaqra, jittraduċi, jgħallem jew jitgħallem il-Malti, jew sempliċiment għal min taqbdu l-kurżità kelma xi tfisser, kif tispelliha, kif tlissinha, jew kif tista’ tgħidha bl-Ingliż.
Bis-saħħa ta’ esperti mill-oqsma tal-lessikografija, il-lingwistika, il-lingwistika tal-korpus, u t-teknoloġija tal-informatika, qed jinbena dizzjunarju li jagħti d-definizzjoni bil-Malti, l-ekwivalenti bl-Ingliż, tagħrif grammatikali u gwida għat-tlissin, eżempji bbażati fuq l-użu naturali tal-lingwa, l-idjomi u l-frażijiet, u n-nisel tal-kliem.
Il-proġett tfassal għal firxa wiesgħa ta’ nies: minn kelliema nattivi sa studenti tal-Malti bħala lsien barrani, minn għalliema sa tradutturi, minn ġurnalisti u xandara sa riċerkaturi. Għalhekk, Dizzjunarju.mt huwa ġabra ħajja li tikber id f’id mal-lingwa, spazju miftuħ għal kulħadd, fejn il-kliem tal-bieraħ jiltaqa’ mal-kliem tal-lum waqt li jwitti t-triq għall-Malti t’għada.
Waqt is-serata, li ttellgħet bis-sehem artistiku tal-mużiċist Daniel Cauchi, l-attur Bradley Cachia, u l-kittieb Michael Spagnol, saru wkoll għadd ta’ diskorsi. L-atmosfera fil-post offriet esperjenza unika bl-użu kreattiv tal-kliem.
L-edituri ġenerali, il-Prof. Michael Spagnol u s-Sur Dwayne Ellul, taw stampa tal-istorja tad-dizzjunarji Maltin u spjegaw kif jaħdem is-sit, li hu ddisinjat mill-artist Julian Mallia (Julinu). Dan il-proġett qed isir mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università ta’ Malta bl-għajnuna ta’ Sketch Engine, Lexical Computing, Dictionary Express, RIDT, Times of Malta, u MaltaDaily.

