Il-favorit DJ SPRITZ, misjuq minn Daniel Hili ddomina l-finali tal-EquestriMalta President’s Cup biex rebaħ din l-edizzjoni li kienet il-ħames sena minn meta EquestriMalta offriet sponsor finanzjarju għal dan il-kampjonat.
Minkejja li kien hemm perjodu twil fejn il-kampjonat għat-Tazza tal-President ma baqax issir, din l-edizzjoni kienet il-25 waħda minn meta saret l-ewwel darba fis-sajf tal-1992.
DJ SPRITZ, li huwa żiemel Taljan ta’ 7 snin li beda bħala favorit assolut għar-rebħ, (2.00 mat-tote u 4/6 mal-bookmakers), ħa l-kmand mill-bidu nett u l-ġerrej tiegħu ikkontrolla kif ried matul id-distanza ta’ 2140 metru. Meta kien jonqos 900 metru t-tieni favorit, FARMER KERYVON ipprova jwettaq reazzjoni però DJ SPRITZ żied fil-veloċità tant li rebaħ b’medja ta’ 1’12.1, li huwa l-aktar ħin veloċi għal finali tal-President’s Cup.
Wara DJ SPIRTZ, fit-tieni post daħal DIABLO D’HERFRAIE (Jesmar Gafa’), fit-tielet post EXTRA DU CHATELET (Ludvig Ghigo), fir-raba’ post ZINFANDEL (Charles Camilleri) u fil-ħames post ELDORADO DE VER (Noel Baldacchino). Bejniethom dawk li kklassifikaw f’dawn il-pożizzjonijiet ħadu 9,450 € li minnhom r-rebbieħ ħa 5,000 €.
B’din ir-rebħa DJ SPRITZ rebaħ kull tiġrija li ġera fil-gżejjer Maltin peress li kien għamel id-debutt tiegħu f’Għawdex f’Novembru li għadda. F’Malta issa rreġistra erba’ rebħiet.
Wara l-finali l-Agent President, Helena Dalli, fil-preżenza tal-ogħla uffiċjali ta’ EquestriMalta, l-Malta Equidrome u l-Malta Racing Club ippreżentat it-trofej lir-rebbieħa.



