Tuesday, December 24, 2024

Djalogu għal titjib fir-relazzjonijiet industrijali

Aqra wkoll

Fi sfond ta’ aktar ftehimiet kollettivi li qed jiġu ffirmati kull xahar, il-Kap tas-Servizz Pubbliku Tony Sultana ltaqa’ ma’ rappreżentanti tal-unjins f’pajjiżna. Din il-laqgħa ta’ djalogu kellha l-għan li ttejjeb ir-relazzjonijiet mar-rappreżentanti tal-ħaddiema, u ssaħħaħ il-proċess tan-negozjati.

Is-segretarju permanenti ewlieni semma li fl-aħħar ħames xhur ġew iffirmati 12-il ftehim kollettiv ġdid, u li fl-istess perjodu s-Servizz Pubbliku poġġa bilqiegħda ma’ kull unjin.

“Qed nagħtu din l-importanza lil dan l-aspett għaliex dawn il-ftehimiet kollettivi mhux biss itejbu l-kundizzjonijiet tal-ħaddiem, iżda jinċentivaw u jassistu lill-impjegat biex itejjeb il-ħiliet tiegħu, u niffaċilitaw il-progress fil-karriera,” qal is-Sur Sultana.

Intqal li filwaqt li mhux kollox ward u żahar, kull naħa jeħtieġ li tifhem il-bżonnijiet tan-naħa l-oħra u jiġbdu ħabel wieħed għall-istess għan komuni: l-interess tal-uffiċjal pubbliku.

Għal din il-laqgħa ta’ djalogu, attendew il-unjins kollha li għandhom xi tip ta’ ftehim mas-Servizz Pubbliku, fosthom il-General Workers’ Union (GWU).

Ekonomija

Sport