Tuesday, April 23, 2024

Filmati minn CCTVs wrew żagħżugħ iqabbad karozza

Mixli li ta n-nar f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Tas-Sliema

Aqra wkoll

Żagħżugħ ta’ 24 sena ta’ nazzjonalità Rumena iżda mwieled il-Moldova nżamm arrestat wara li ġie mixli li l-Ħadd li għadda ta n-nar f’kumpless ta’ garaxxijiet f’Tas-Sliema. Residenti li kienu joqogħdu fil-viċinanzi kellhom jiġu evakwati minħabba n-nirien iżda b’xorti tajba ma kien weġġa’ ħadd f’dan il-każ, li seħħ fi Triq Howard.

Ion Busuioc kien mixli wkoll li b’mod volontarju kkawża ħsarat f’diversi vetturi pparkjati. Fil-Qorti ma ngħatawx dettalji tal-inċident jew dwar l-investigazzjoni li wasslet għall-arrest taż-żagħżugħ iżda hu mifhum li huwa ġie arrestat wara li kienu analizzati filmati tas-CCTV li allegatament urewh iqabbad karozza tal-għamla BMW.

Busuioc, li jaħdem bħala mastrudaxxa, wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Mario Xiberras u Eman Hayman megħjuna mill-Avukati Nathaniel Falzon u Andreas Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukata Leontine Calleja dehret għall-imputat.

Sport