Friday, April 26, 2024

TAĦLIT

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Wieħed jaqbel minnufih ma’ dak kollu li jintqal favur il-multikulturaliżmu u l-ħtieġa li jiġu pprojbiti bla eċċezzjoni kull diskors u ħidma li jxerrdu l-antipatija (biex nużaw kelma dgħajfa) bejn popli differenti, fil-qrib jew fil-bogħod.

Xorta wieħed irid iżomm quddiem għajnejh il-fatt li l-bnedmin mhumiex (kif kont ngħid snin ilu) qishom prodotti fuq xkafef ta’ xi supermarket: indifferenti għal fejn jinsabu u x’qed idawwarhom. Bil-maqlub, iqisu lilhom infushom u lil ħajjithom skont dak li draw jaraw madwarhom u jgħixu qribu matul is-snin.

Jekk il-karattru tal-post fejn jgħixu qed jinbidel – għax jidħlu nies ġodda fih bit-taħlit li jġibu magħhom pereżempju, imma mhux biss – wara xi żmien jistgħu jibdew iqisu li l-bidla jekk tkompli sejra hekk, se thedded l-identità tagħhom u s-sens ta’ kif draw jgħixu ħajjithom.  Hekk nifhem meta nisma’ jitkellmu ngħidu aħna, nies mill-Marsa jew mill-Ħamrun.

ELEZZJONIJIET 

L-elezzjonijiet ġenerali fl-Iżrael u fl-Istati Uniti għall-Kungress reġgħu kkonfermaw li l-forzi tal-lemin estrem għadhom qawwija sew. Anke l-elezzjoni ta’ Lula bħala President tal-Brażil, mirbuħa bi żbrixx, ma tistax taħbi li dis-sitwazzjoni teżisti wkoll fl-Amerika Latina: fl-assembleji parlamentari il-lemin estrem għamel rebħiet sostanzjali. 

Alfred Sant
Jikteb il-MEP Alfred Sant

Il-messaġġ lemini estrem baqa’ b’saħħtu sew fost l-elettorati, jekk mux ukoll issaħħaħ. Wieħed irid jistaqsi għaliex. Raġuni tista’ tkun li f’dinja fejn il-bidliet ekonomiċi u soċjali qed isiru dejjem aktar imgħaġġla u jinvolvu firxiet wiesgħa ta’ popli u territorji, messaġġ li jissimplifika l-affarijiet  waqt li jrendihom akuti, jappella. Speċjalment meta l-bidliet jieħdu forma ta’ kriżijiet.

Hemm min jgħid li din l-attrazzjoni tmut fuq iz-zokk malli l-lemin estrem jidħol biex imexxi gvern u ma jinexxilux irażżan il-bidliet. Imma jista’ jiġri wkoll li gvern hekk, meta jasal sa dal-punt, jara kif se joħloq kriżi akbar biex jiżgiċċa mill-problema.

VIŻJONI

Jiġu wisq kritikati l-forzi politiċi, ekonomiċi u soċjali kollha għax mhumiex jippromwovu viżjoni. Jew anke għax m’għandhomx biżżejjed viżjoni: bħallikieku din tal-aħħar tista’ titqassam bl-użin.

Ta’ min jistaqsi iżda kif tissawwar “viżjoni”. Igħidulek: Billi tinħoloq stampa ta’ kif soċjetà messha tkun sa xi ħmistax-il sena oħra – bi pjan għal kif dan l-istat jintlaħaq.

Kemm hu fattibbli pjan hek? F’ċerti każi hu – bħal dwar il-ħidma kontra t-tisħin tal-klima.. Iżda jibqa’ possibbli fil-każ ta’ ekonomija ċkejkna u miftuħa bħal tagħna, soġġetta għall-forżi tas-suq “ħieles” minn barra u minn ġewwa? Jista’ jkun li l-problema mhux li ħadd ma jipprova joħloq viżjoni daqskemm jinstab li l-progress irid isir pass pass, skont dak li jissejjaħ “trial and error”.

10 ta’ Novembru 2022

Sport