Tuesday, May 14, 2024

Djalogu ma’ studenti universitarji għall-ewwel darba fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku

Aqra wkoll

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni, is-Sur Mario Cutajar, sema’ dak li kellhom xi jgħidu uffiċjali pubbliċi li huma wkoll studenti universitarji fil-korsijiet li jsiru b’mod konġunt mal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi. Dan kien l-ewwel djalogu tax-xorta tiegħu li qatt sar fil-Ġimgħa għas-Servizz Pubbliku.

Id-djalogu kellu t-tema ‘Sehem l-Università ta’ Malta b’risq il-professjonalità tal-uffiċjali pubbliċi’. Wara diskors ta’ merħba minn Dott. Emanuel Said, id-Dekan tal-Fakultà tal-Ekonomija, il-Management u l-Accounting, Dott. Mario Thomas Vassallo, il-Kap tad-Dipartiment tal-Politika Pubblika, ta ħarsa fid-dettall lejn il-ħidma konġunta bejn l-Università u l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi.

Studenti li huma wkoll uffiċjali pubbliċi mbagħad qasmu l-esperjenzi tagħhom dwar kif il-korsijiet li qed isegwu qed jgħinuhom fit-twettiq ta’ dmirijiethom fuq il-post tax-xogħol. Huma qed isegwu l-korsijiet M.A. Public Policy Leadership, B.A. (Hons) Public Administration, B.A. (Hons) Public Management, u B.A. (Hons) Public Sector Accounting.

Is-Sur Keith Bartolo, Prinċipal tal-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi, imbagħad tkellem dwar is-sostenn li qed jagħti l-Istitut għall-professjonalità tal-uffiċjali pubbliċi.

Id-djalogu wasal fi tmiemu b’riflessjonijiet konklużivi mill-Kap tas-Servizz Pubbliku s-Sur Mario Cutajar, li esprima s-sodisfazzjon tiegħu għall-mod kif żvolġiet id-diskussjoni u awgura li jsiru aktar djalogi simili fil-ġejjieni. Huwa tkellem dwar il-lakuna li mela l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi f’dak li għandu x’jaqsam mat-taħriġ f’diversi forom għall-uffiċjali pubbliċi. Taħriġ li jwassal biex, permezz tar-riċerka, l-istudju, l-osservazzjoni u l-analiżi, jiġu rranġati l-proċessi fis-Servizz Pubbliku. Kemm ilu mwaqqaf l-Istitut, tant ġiet konfermata l-ħtieġa kbira li kien hawn għalih, li se jkompli jikber u ġie msaħħaħ ukoll mil-lat maniġerjali.

Is-Sur Cutajar semma kif, flimkien ma’ servizz.gov, l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi kien wieħed mill-pilastri li fuqhom straħu t-tiġdid u t-tisħiħ li seħħew f’dawn l-aħħar snin fis-Servizz Pubbliku. Saħaq ukoll fuq l-importanza tal-Iskema tal-Istudenti, li permezz tagħha dawk li jtemmu l-kors tagħhom fl-Istitut b’suċċess isiru impjegati sħaħ tas-Servizz Pubbliku, wara li matul il-kors kollu jkunu ngħataw l-opportunità li jħalltu l-istudju max-xogħol.

Is-Segretarju Permenenti Ewlieni fakkar li s-Servizz Pubbliku jistrieħ fuq l-Istitut għas-Servizzi Pubbliċi mhux biss għat-tagħlim u t-taħriġ tal-impjegati tiegħu iżda wkoll mill-aspett ta’ riċerka. Din tal-aħħar għandha rwol kruċjali għax permezz tagħha s-Servizz Pubbliku għandu s-serħan il-moħħ li r-riċerka li jagħmlu l-uffiċjali pubbliċi li jsegwu korsijiet fl-Istitut, tkun fl-oqsma fejn tinħass il-ħtieġa fi ħdanu stess u mhux bla ppjanar.

Sport