Tuesday, April 30, 2024

UCL: Real Madrid fil-finali kontra Liverpool

Aqra wkoll

Real Madrid …….3

Man City ………..1

(wara l-ħin barrani)

Aggregate: Real Madrid 6-5

Real Madrid huma t- tieni finalisti tal-UEFA Champions League meta fit-tieni leg tat-tieni semi-finali għelbu lil Manchester City bl-iskor ta’ 3-1 wara l-ħin barrani għal aggregate ta’ 6-5.

B’hekk huma se jaffrontaw lil Liverpool fi Stade De France, f’Pariġi, fit-28 ta’ dan ix-xahar … biex din se tkun it-tielet finali bejniet­hom wara l-1981 u l-2018. 

Wara bidu ta’ studju,  l-ewwel azzjoni denja was­let, fit-13-il minuta, min-naħa ta’ Real Madrid meta azzjoni mibdija minn Da­niel Carvajal, Federico Valverde  kompla lejn Karim Benzema li minkejja li kien issikkat minn Ruben Dias, ix-xutt tiegħu għadda ftit millimetri fuq il-mimduda. 

Manchester City wieġbu żewġ minuti wara permezz ta’ xutt ta’ Kevin De Bruyne li iżda l-goalkeeper, Thi­baut Courtois laqa’ min­għajr diffikultá. 

Fit-18-il minuta, il-Mad­rileni resqu viċin meta Benzema approfitta minn clearance qasira biex żmarka lil Vinicius Junior iżda minn qagħda tajba falla l-mira. 

Żewġ minuti wara, wasal l-aħjar ċans għas-Citizens meta Bernardo Silva kkon­trolla l-ballun qabel ma venven kanunata iżda daqstant ieħor kien tajjeb Courtois li salva b’mod spettakolari. 

Fl-34 minuta, l-Ispanjoli appellaw għal penalty meta Kyle Walker deher jagħmel kuntatt ma’ Vinicius fil-kaxxa iżda r-referee ħalla l-logħob għaddej. 

Fl-40 minuta, Thibaut Courtois reġa’ kien provi­denzjali meta salva xutt perikoluż ta’ Phil Foden minn barra l-kaxxa.

Sekondi mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Vinicius seta’ fetaħ l-iskor iżda minn tliet metri bogħod għamel l-impossibbli u falla l-mira. 

Mal-ħin, l-Ispanjoli bdew iżidu l-pressjoni li bdiet ġejja minn fuq in-naħa ta’ Kyle Walker li ma setax ilaħħaq mal-ħeffa ta’ Vinicius. Peró kienu wisq erratiċi fil-kaxxa avversarja. 

Iżda bil-ħin għaddej, il- frustrazzjoni bdiet tikber fil-kamp ta’ Real minħabba li ma setgħux isibu t-triq lejn ix-xibka avversarja. 

U kontra x-xejra tal-logħob, fiit-73 minuta, Manchester City fetħu l-iskor meta azzjoni mibdija minn Bernardo Silva sab l-ispazju biex għadda lejn Riyad Mahrez li b’first-timer għe­leb għal kollox lil Courtois. 

Kienet mistennija reaz­zjoni mmedjata minn Real iżda fis-87 minuta, s-City kienu sfortunati meta żewġ tentattivi nfila ta’ Jack Grea­lish ġew salvati minn Ferland Mendy u Courtois minn fuq il-linja fatali.

Fis-sekondi ta’ wara segwa dak li ħadd ma stenna meta Real Madrid għamlu rimonta u skorjaw darb­tejn minn Rodrygo, fid-90 u fit-92 minuta, biex il-partita kellha tmur fil-ħin barrani. 

Appena għaddew tliet minuti, Real ingħataw pe­nalty meta Ruben Dias waqqa’ lil Karim Benzema fil-kaxxa u mill-11-il metru l-istess player ma’ falliex. 

Fil-105 minuti, Courtois salva fuq Fernandinho minn taħt il-lasti biex evita goal ċert … u salva l-kwalifikazzjoni.

Sport