Thursday, April 18, 2024

IL-PJAGA TAL-VJOLENZA DOMESTIKA

Aqra wkoll

Il-pjaga tal-vjolenza domestika sfortunatament għadha magħna. Hija realtà li nisimgħu dwarha b’mod regolari. Mill-Qrati tagħna joħorġu stejjer li jwaħħxuk. Stejjer li mhux biss jinvolvu lin-nisa, li jibqgħu l-aktar predominanti, imma issa anke vjolenza fuq l-irġiel. 

Il-fatti juru li l-vjolenza domestika donnha saret kultura li daħlet fost ħafna nies, irġiel u nisa. Dan jidher minn statistika li ħarġet dan l-aħħar li turi kif fis-sena 2020 biss kien hemm 2,919-il każ ta’ persuni li sfaw vittmi ta’ xi forma ta’ vjolenza domestika fuqhom u li anke resqu għall-għajnuna. 

Fattur ewlieni li wassal għal din iż-żieda fil-każi ta’ vjolenza kienet il-pandemija li kkawżat ansjetà fost in-nies li kienu restritti li jibqgħu aktar ġewwa u kien hemm aktar possibilità ta’ kunflitt bejn il-koppji. Għalhekk meta jitqies kollox toħroġ l-importanza kbira ta’ programmi edukattivi sa minn età żgħira ħalli jkun hemm inerventi minn kmieni biex jiġu evitati problemi aktar ‘il quddiem.

Jeħtieġ għalhekk li l-edukazzjoni li tingħata fl-iskejjel ma tkunx biss dik formali imma wkoll li sservi ta’ strument li jwassal għall-iżvilupp tal-persuna. Għandna għax nitħassbu li din iż-żieda fl-għadd ta’ każi ta’ vjolenza seħħew minkejja l-istituzzjonijiet li ħoloq l-istat biex jipprevjeni jew inaqqas mill-każi ta’ vjolenza.

L-għarfien, għalhekk jibqa’ kruċjali biex aktar nies jersqu ‘l quddiem u ma jiddejqux jitkellmu dwar dak li jkunu għaddejjin minnu ma’ dawn l-istituzzjonijiet, li jistgħu jkunu ta’ għajnuna kbira għall-vittmi. 

Minbarra s-servizz lill-vittmi, qed jiġu offruti wkoll programmi speċifiċi għall-aggressuri. Nittamaw li dawn il-programmi jwasslu biex iktar persuni, nisa u rġiel, jagħrfu li l-vjolenza domestika hija att mistmerr fil-forom kollha tagħha għaliex ħadd mhuwa superjuri għal ħadd. 

Huwa minnu li l-kultura tagħna hi differenti minn ta’ pajjiżi oħra imma nkunu qed nagħmlu tajjeb jekk aħna naraw u niflu kif qed jiġu trattati każi bħal dawn f’pajjiżi oħra speċjalment dawk tal-Unjoni Ewropea. Dan għaliex dejjem hemm x’nitgħallmu minn dak li jkun qed jiġri lil hinn minn xtutna. 

Ekonomija

Sport