Sunday, November 24, 2024

DJALOGU SOĊJALI EFFETTIV FL-MCESD

Aqra wkoll

Matul din is-sena li waslet biex tintemm, il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, iltaqa’ diversi drabi fejn iddiskuta bosta temi importanti u ta’ relevanza għall-ekonomija ta’ pajjiżna. Naturalment, tema ewlenija li kienet ukoll trattata b’urġenza, kienet dik tal-gwerra fl-Ukrajna fejn l-imsieħba soċjali, inkluż il-General Workers’ Union, kienu mgħarrfa bl-aħħar żviluppi relatati mal-invażjoni Russa f’dan il-pajjiż, u l-impatt li l-istess gwerra kienet ser tħalli f’diversi pajjiżi madwar id-dinja, mhux b’inqas f’Malta.

Fost l-effetti ewlenin ikkawżati mill-gwerra fl-Ukrajna kien hemm iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u anke ż-żieda fl-inflazzjoni. F’dan l-isfond, il-Gvern Malti intervjena biex jerfa’ hu l-piżijiet fil-prezzijiet tal-fjuwil, enerġija u ċereali b’mod li dawn ma jitgħabbewx fuq in-negozji u l-konsumaturi. Dan kien kruċjali biex tinżamm l-istabbilità ekonomika u l-kompetittività ta’ pajjiżna.

Diskussjoni oħra quddiem l-MCESD kienet tirrigwardja s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol. Laqgħa li kienet imsejħa mill-GWU nfisha anke fid-dawl taż-żieda fl-inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, bi wħud minnhom sfortunatament ikunu wkoll fatalitajiet.

F’din l-istess laqgħa sar magħruf illi l-irwol tal-Awtorità dwar is-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) mhux ristrett biss għas-siti tal-kostruzzjoni iżda għal kull post ieħor tax-xogħol fil-pajjiż. Minkejja l-isforzi li saru b’danakollu jonqos ħafna xi jsir biex naslu li nnaqqsu l-imwiet u t-traġedji fuq il-postijiet tax-xogħol.

F’dan il-kuntest, nemmnu bis-sħiħ li għandha ssir diskussjoni aktar wiesgħa milli saret s’issa u rridu naraw ukoll jekk hemmx ħtieġa li l-liġijiet tax-xogħol jiġu aġġornati biex ilaħħqu mat-tibdiliet li qed iseħħu fid-dinja tax-xogħol partikolarment meta pajjiżna qed jaspira għal ekonomija diġitali.

Il-GWU, bħala membru ta’ dan il-Kunsill, hija impenjata li ssostni djalogu b’saħħtu u għal dan il-għan ressqet diversi proposti sabiex jiġu diskuss fi ħdan il-Kunsill għax-xhur li ġejjin b’mod ewlieni l-introduzzjoni tal-kunċett tal-living income biex il-ħaddiema u l-familji tagħhom ikollhom kwalità ta’ ħajja aħjar.

Sport