Saturday, December 28, 2024

Djalogu soċjali effettiv… kruċjali li jibqa’ attiv

Aqra wkoll

Il-GWU ttella’ diversi attivitajiet u toħroġ rapporti bħala parti mill-proġett dwar l-impatt tal-Covid-19 fuq il-ħaddiema

Fil-perjodu li d-dinja għaddiet mill-pandemija COVID-19 innotajna l-importanza tad-djalogu soċjali fis-soċjetà ta’ madwarna. Issa li l-pandemija għaddiet, madankollu, huwa kruċjali li d-djalogu soċjali effettiv jibqa’ attiv, hekk kif unjins b’saħħithom huma essenzjali biex id-dinja tax-xogħol tkompli miexja ‘l quddiem!

Il-General Workers’ Union kienet fost it-trejdunjins li ħadu sehem b’mod attiv fil-proġett “Trade Unions For A Fair Recovery: Strengthening the role of trade unions in mitigating the impact of the COVID-19 crisis”, proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropeja, b’kollaborazzjoni mal-Konfederazzjoni Ewropea tat-Trade Unions (European Trade Union Confederation – ETUC), li matulu saru diversi studji u nħarġu rapporti dwar it-tisħiħ tar-rwol tat-trejdjunjins vis-à-vis l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19.

Parti mill-attivitajiet wasslu sabiex jinħolqu żewġ rapporti. Fl-ewwel rapport bl-isem “COVID-19 Impact on the Employment Conditions of Women, Youth, People with Disabilities and Atypical Workers”,  it-Taqsima Gvern u Entitajiet Pubbliċi avviċinat lir-riċerkaturi, Profs. Manwel Debono u Ms Christine Garzia, li għamlu r-riċerki biex b’hekk jifhmu u jippreżentaw aħjar kif l-esperjenzi u l-attitudnijiet relatati max-xogħol fost in-nisa, iż-żgħażagħ, il-persuni b’diżabilità (PWDs), u l-ħaddiema atipiċi żviluppaw matul il-pandemija. Intagħżlu proprju dawn l-erba’ gruppi soċjali minħabba t-tendenza li jesperjenzaw sfidi akbar fil-ħajja tax-xogħol tagħhom meta mqabbla ma’ oħrajn. Infatti fir-riċerka ġew kwotati riċerki internazzjonali li jindikaw li dawn il-gruppi jġorru l-piż tal-pandemija b’mod sproporzjonat.

Kollox beda minn diskussjonijiet ma’ gruppi ta’ ħaddiema fil-GWU li ħadmu biex taw l-opinjonijiet tagħhom rigward l-aspetti li kellhom jiġu indirizzati fir-rapport. 

Wara sar stħarriġ fost 340 ħaddiem u membri fi ħdan il-GWU kif ukoll 15-il intervista ma’ parteċipanti differenti abbażi tal-abbiltajiet u l-ġeneru tagħhom. Il-parteċipanti kienu jinkludu rġiel, nisa, żgħażagħ u anke persuni b’diżabbiltà u li l-ħidma tagħhom kienet tvarja bejn dawk li baqgħu jaħdmu mill-post tax-xogħol, oħrajn li kellhom il-possibbiltà li jaħdmu b’teleworking u oħrajn b’xogħlijiet atipiċi. Ħafna mir-riżultati kienu jixbhu lil xulxin minħabba li kien hemm ammont ta’ effetti li laqtu lill-ħaddiema kollha. Madanakollu kien hemm effetti li laqtu lil xi kategoriji aktar minn oħrajn.

Fost affarijiet oħra rriżulta li ż-żieda fit-Teknoloġija tal-Informatika (ICT) fi żmien il-pandemija, l-użu ta’ komunikazzjoni bl-emails, chat groups u mezzi oħra wasslu biex il-ħaddiema spiċċaw jaħdmu sigħat itwal u anke kien hemm ħaddiema li saħansitra lmentaw li min iħaddimhom ippretenda li jkunu disponibbli 24 siegħa kuljum. Dan kien japplika kemm għal dawk li kienu qed jaħdmu mid-dar kif ukoll dawk li kienu qed jaħdmu mill-uffiċċju.

Skont l-istess rapport irriżulta li kien hemm uħud li rrappurtaw li tilfu l-impjieg, oħrajn li żdidilhom l-istress fuq ix-xogħol kawża ta’ sigħat itwal ta’ xogħol u l-ammont ta’ xogħol mitlub minnhom. L-istress jidher li żdied ukoll fost dawk li nbidlitilhom l-iskeda tax-xogħol kif ukoll dak mitlub minnhom. Madanakollu dawk li kkunsidraw li jitilqu minn fuq il-post tax-xogħol kienu biss 4.5%.

Fattur ieħor kien il-fatt li l-pandemija żiedet xi ftit it-tensjoni bejn xi ħaddiema Maltin u dawk barranin, b’mod speċjali dawk minn pajjiżi terzi. Dan minħabba l-fatt li f’xi każi, dawn tal-aħħar kienu qegħdin jiġu akkużati li mhux biss bdew iġorru riskju akbar ta’ tixrid tal-virus minħabba li kienu jitħalltu ma’ oħrajn li kienu jaqsmu l-istess dar, iżda li saħansitra ma kienx jimpurtahom mill-miżuri tas-sigurtà biex ikun evitat it-tixrid tal-virus.

Ir-rapport kien jinkludi wkoll il-kuntentizza u s-saħħa mentali fejn 40% ta’ dawk li rrispondew l-istħarriġ qalu li s-sitwazzjoni marret għall-agħar mill-bidu tal-pandemija u madwar 35% qalu li s-saħħa fiżika tagħhom marret għall-agħar ukoll u kellhom seba’ mitt sena biex jirritornaw għall-attivitajiet li kienu jsegwu qabel il-pandemija. 

Ir-riċerkaturi għalqu l-istudju b’numru ta’ rakkomandazzjonijiet b’mod speċjali fejn tista’ tgħin l-unjin tal-ħaddiema biex l-affarijiet jittranġaw fosthom dwar l-importanza li titjieb il-komunikazzjoni fl-organizzazzjonijiet minħabba ċerti nuqqasijiet. Rakkomandazzjonijiet oħra kienu li jiġi ffaċilitat l-aċċess għat-teleworking u li min iħaddem jibqa’ jħares is-saħħa mentali tal-ħaddiema tiegħu billi fost l-oħrajn il-ħaddiema jkollhom dritt li wara l-ġurnata tax-xogħol tagħhom jaslu f’punt fejn jgħidu li huma lesti għal dik il-ġurnata.

Fit-tieni rapport, “Cross-Sectoral Recommendations for the National Recovery and Resilience Plan (NRRP)”, Dr. Joe Gravina waħħad ir-riżultati mill-ewwel rapport ta’ Prof. Manwel Debono u Ms. Christine Garzia u elabora aktar billi żid informazzjoni miġbura minn stħarriġ, feedback u avvenimenti ta’ taħriġ nazzjonali u internazzjonali.

Ir-riżultati miksuba kienu maħsuba biex itaffu l-effetti tal-pandemija u l-perjodu ta’ wara l-pandemija, jagħtu leħen lill-ħaddiema, u speċjalment permezz tat-trejdjunjins, ifasslu u jżidu l-irwol tagħhom mal-imsieħba soċjali u jaġġornaw u jiddefinixxu mill-ġdid u jimplimentaw il-pjan ta’ rkupru nazzjonali wara l-pandemija.

Flimkien mat-temi l-oħra u diversi rakkomandazzjonijiet, il-ħsieb ewlieni tat-tieni rapport, li flimkien mal-ewwel rapport jista’ jiqies proġett wieħed, kien kif se tittejjeb il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-unjin tagħhom, speċifikament fin-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali.

Dan kollu jseħħ permezz ta’ żieda fil-ħiliet tal-membri biex jiġu appoġġjati aktar it-trejdunjonisti Maltin fl-attivitajiet tagħhom li għandhom x’jaqsmu mat-tiswir ta’ pjanijiet nazzjonali ta’ rkupru li jwasslu għal aktar impjiegi siguri b’paga u kundizzjonijiet dejjem aħjar.

Fost ir-riżultati ewlenin tar-rapport insibu kif il-pandemija wriet kemm hu importanti li jkun hemm rispett sħiħ ta’ kull kategorija ta’ ħaddiema u speċjalment dawk lanqas aġevolati fi ħlas u rikonoxximent tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom. Intant, l-irkupru wara l-pandemija kien jesiġi mhux biss li l-impjieg ikun garantit imma, aktar u aktar, l-impjieg u dak kollu marbut miegħu, jitjieb. 

“M’hemmx lok li mmorru lura għal xi normalità li teżisti biss fl-immaġinazzjoni ta’ min irid jikkonserva kuntest, dak tax-xogħol, li hu dinamiku. F’dan ir-rigward, l-unjin tibqa’ organizazzjoni essenzjali li tiġġieled l-individwaliżmu li jikkorrompi r-relazzjonijiet soċjali, inkluż dawk fuq il-post tax-xogħol. L-unjin tista’ tiggarantixxi parteċipazzjoni infurmata tal-membri tagħha, u kif ukoll inklużjoni fejn ħaddieħor, b’kuntrast, forsi jaħseb li aħjar ikun hemm kunflitt bejn ħaddiem u ieħor (sess, razza, ilsien, etnika, nazzjonalità, eċċ). Minħabba f’hekk, l-unjin għandha responsabbiltà kbira biex tħaddem sistemi ta’ edukazzjoni u taħriġ li jagħtu widen għall-membri u jagħmlu hekk b’mod proattiv,” qal Dr. Gravina.

Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi li ħarġu kienu dwar il-bżonn li:

(i) titjieb il-komunikazzjoni bejn il-ħaddiema u r-rappreżentanti tas-sidien, u minħabba f’hekk, żviluppi għall-aħjar fl-irwol tal-management u sehem akbar tal-ħaddiema ta’ kif jinqasam ix-xogħol; 

(ii) il-work-life balance inkluż l-evalwar tax-xogħol hybrid, bżonn ta’ taħriġ kontinwu u attenzjoni għall-aspett fiżiku u mentali tal-ħaddiema; u 

(iii) l-irwoli diversi tal-unjin fosthom l-edukazzjoni u taħriġ, site visits, ix-shop stewards u l-ħarsien tad-drittijiet tal-ħaddiema barranin, inklużi dawk membri tal-unjin għall-ġid reċiproku.

It-Taqsima tellgħet ukoll diversi seminars u workshops fejn membri minn oqsma differenti tax-xogħol kienu mistiedna jiddiskutu s-sitwazzjonijiet partikolari tagħhom, kif ukoll ħejjiet diversi online seminars ma’ parteċipanti Maltin u dawk internazzjonali.

Fl-aħħar laqgħat online issukktat id-diskussjoni fost il-membri tal-unjin hekk kif ġew diskussi r-riżultati tal-istudji msemmija hawn fuq. B’hekk nistgħu nħarsu ‘l quddiem lejn il-konferenza finali ta’ dan il-proġett sabiex dak li esperjenzaw il-ħaddiema tul u wara l-Covid iservi sabiex titfassal triq li l-unjin bħala organizazzjoni tista’ itterraq b’wiċċha minn quddiem.

Ekonomija

Sport