Saturday, April 27, 2024

Fondi li se jgħinu biex jinbena ċentru ta’ riabilitazzjoni ġdid

Miġbura €329,210 waqt il-maratona b’risq l-Inspire

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hekk kif il-Ħadd li għadda ttellgħet il-maratona bl-isem ta’ “Jien Suċċess”, li kienet imqassma fuq 12-il siegħa b’risq il-Fondazzjoni Inspire, inġabret is-somma sabiħa ta’ €329,210, liema somma se tkun qiegħda tintuża sabiex jinbena ċentru ġdid ta’ riabilitazzjoni u benesseri fil-kumpless tal-Inspire ġewwa Wied il-Għajn. 

Dan qalu l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Inspire Antonello Gauci f’kumment li ta lil dan is-sit, Gauci saħaq li ċ-ċentru ta’ rijabilitazzjoni huwa mmirat li jkun faċilità kompletament aċċessibbli għal dawk li jkollhom bżonn riabilitazzjoni. 

Huwa qal li l-istess proġett se jkun qiegħed jinkludi ġinnasju ta’ riabilitazzjoni li huwa mfassal għall-bżonnijiet speċifiċi ta’ individwi li jkunu qegħdin ibatu minn problemi newroloġiċi jew limitazzjonijiet fiżiċi. 

Il-Kap Eżekuttiv irrimarka li l-Fondazzjoni qiegħda tintroduċi firxa ta’ servizzi ġodda mfassla speċifikament biex jaqdu l-bżonnijiet ta’ individwi b’diżabilità u l-familji tagħhom. Żied jgħid li dawn is-servizzi se jinkludu appoġġ emozzjonali kif ukoll offerti speċjalizzati mmirati biex jagħtu s-setgħa u jtejjbu l-benessri ta’ mijiet ta’ individwi.

Qal ukoll li l-Fondazzjoni Inspire li hija mmexxija minnu tinsab grata hekk kif kienu bosta individwi, negozji u komunitajiet Maltin u Għawdxin li taw id-donazzjonijiet tagħhom. 

Galea qal; “It-telethon ‘Jien Suċċess’ mhux biss uriet is-saħħa tal-għaqda iżda saħħet ukoll l-impenn tagħna lejn il-ħolqien ta’ ambjent aktar inklussiv u ta’ appoġġ għal individwi b’diżabilità u għal dawk kollha fil-bżonn tas-servizzi tagħna.”

Gauci qal ukoll li matul it-telethon, ġew irrakkontati stejjer b’ħafna emozzjonijiet, li urew il-bidliet pożittivi li ħallet is-servizzi offruti mill-Fondazzjoni Inspire fil-ħajja tat-tfal, l-adulti u l-familji.

Huwa temm jgħid li l-Fondazzjoni Inspire tixtieq tesprimi l-apprezzament mill-qalb tagħha lill-impjegati kollha tagħha u lil dawk li offrew il-ħin u r-riżorsi tagħhom biex jagħmlu t-telethon “Jien Suċċess”. 

Għal dawk li tilfu t-telethon ‘Jien Success’ u xorta waħda jixtiequ jikkontribwixxu lejn l-għan tal-Fondazzjoni Inspire jistgħu jagħmlu dan billi jżuru: https://inspire.org.mt/jien-success-2023/

Sport