Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 jagħti ġieħ lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin

Aqra wkoll

Iċ-ċerimonja tal-edizzjoni tal-2026 ta’ Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena saret fis-27 ta’ Novembru fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta, taħt il-patroċinju tal-President ta’ Malta, l-Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono. Din is-serata ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, u fiha ngħataw premjijiet fi 12-il kategorija differenti, fosthom żewġ kategoriji ġodda li jirrikonoxxu t-titjib fil-produttività permezz tad-diġitalizzazzjoni.

Il-kategoriji l-oħra jkopru wkoll l-inklużjoni, ir-responsabbiltà soċjali, u l-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol.

Fid-diskors tagħha, il-President ta’ Malta fissret din is-serata bħala ċelebrazzjoni tal-ħidma, id-dedikazzjoni u l-impenn tal-ħaddiema kollha, u rikonoxximent li x-xogħol jagħti dinjità lill-ħaddiem li jwettaq ħidmietu b’sagrifiċċju, b’perseveranza u b’sens ta’ responsabbiltà.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq li wara kull suċċess ekonomiku, kull negozju li jikber u kull servizz li jingħata hemm ħaddiema, li ta’ kuljum jagħtu l-aħjar tagħhom. “Il-Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena għandu valur speċjali u jagħtina l-opportunità li nirringrazzjaw lil dawk li jwettqu xogħolhom b’responsabbiltà u dedikazzjoni, li jgħinu lil sħabhom, li jmexxu bl-eżempju u li ta’ kuljum jagħmlu differenza,” sostna l-Ministru.

Ir-rebbieħa f’kull kategorija:

Maniġer tas-Sena – Diane Vella Muscat

Kap tas-Sena – Dorita Maniscalco

Tim tas-Sena – Nurse Navigators – Cancer Care Pathways

L-Aktar Organizzazzjoni li Tippromwovi Bilanċ bejn il-Ħajja Privata u x-Xogħol – National Agency for the Performing Arts

L-Aħjar Imprenditur jew Imprenditriċi – Salvu Borg

L-Aħjar Mexxej Żagħżugħ jew Mexxejja Żagħżugħa Ispiranti – Dr Steve Sammut Alessi

L-Aktar Organizzazzjoni li Tippromwovi r-Responsabbiltà Soċjali – PAVI

L-Aktar Organizzazzjoni Inklussiva – Inspire Foundation

L-Aktar Organizzazzjoni Innovattiva li permezz tad-Diġitalizzazzjoni Għenet il-Produttività – Housing Authority Digitalisation Team

Il-Ħaddiem li permezz tad-Diġitalizzazzjoni Għen il-Produttività – Brian Darmanin

Premju ta’ Lifetime Achievement – Patri Hilary Tagliaferro

Premju Nazzjonali Ħaddiema tas-Sena 2026 – Marlon Grech

Ir-rebbieħa ntgħażlu minn Bord tal-Għażla indipendenti, maħtur apposta biex jivverifika u jevalwa n-nominazzjonijiet skont il-kriterji stabbiliti għal kull kategorija. Il-proċess tfassal biex jiżgura li kull nomina tiġi kkunsidrata b’mod ġust u imparzjali u li l-għażla ssir fuq il-mertu.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport