Il-Kummissjoni għall-Vjolenza Abbażi tal-Ġeneru u l-Vjolenza Domestika u l-Malta Football Association (MFA) iffirmaw ftehim biex jipprevjenu l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru, filwaqt li jippromwovu kultura ta’ kunsens, rispett u ugwaljanza kemm fil-grawnd kif ukoll barra minnu.
Il-ftehim jagħmel parti mill-kampanja 16 Days of Activism kontra l-vjolenza domestika u dik abbażi tal-ġeneru, organizzata mill-Ministeru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili.
Taħt dan il-ftehim, il-Kummissjoni se tipprovdi sa €10,000 lill-MFA biex tamministrahom u tqassamhom fost il-clubs membri li se jimplimentaw numru ta’ inizjattivi miftiehma.
Dawn jinkludu workshops edukattivi, taħriġ għall-uffiċjali u kontenut edukattiv fuq il-midja soċjali bejn Jannar u Mejju tas-sena d-dieħla, b’enfasi partikolari fuq it-timijiet taż-żgħażagħ.
Ser jitwettqu wkoll sensiela ta’ inizjattivi sal-10 ta’ Diċembru, b’attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni waqt 16-il partita fil-BOV Challenge League, National League 1 u 2, kif ukoll fl-Assikura Women’s League.
Il-players u l-uffiċjali se jilbsu flokkijiet b’messaġġ kontra l-vjolenza, se jitwaħħlu banners f’diversi grounds tal-football f’Malta u Għawdex, u se jiġu ppubblikati reels fuq il-midja soċjali li fihom se jidhru players minn timijiet differenti.
Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili, Rosianne Cutajar, iddeskriviet l-isport bħala “għodda b’saħħitha” fil-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, li tippromwovi valuri bħall-fair play u r-rispett lejn l-avversarji.
Hija nnotat li permezz tat-taħriġ, l-atleti jitgħallmu jikkontrollaw ir-rabja tagħhom mingħajr ma jirrikorru għall-aggressjoni, filwaqt li l-isport jgħin ukoll biex jiġu sfidati u mkissra l-isterjotipi.
Is-Sinjura Cutajar qalet li l-attività fiżika u l-isport jgħinu lil persuni li jkunu qed jesperjenzaw it-trawma tal-vjolenza domestika biex iħossuhom aktar b’saħħithom kemm fiżikament kif ukoll psikoloġikament.
“B’mod partikolari għan-nisa li huma vittmi tal-vjolenza domestika, l-isport jgħinhom jerġgħu jibnu l-kunfidenza fihom infushom. Permezz tal-isport, il-vittmi jistgħu wkoll joħorġu mill-iżolament u jibnu ħbiberiji ġodda.”




