Id-dinja tax-xogħol kulma jmur qed issir aktar kumplessa, b’teknoloġiji ġodda u aktar żviluppi li qed ibiddlu l-fiżjonomija tas-suq tax-xogħol. Parti minn dan l-iżvilupp huwa kaġun tal-intelliġenza artifiċjali. Għalhekk, dan jixħet aktar responsabbiltà fuq il-ħaddiem u min iħaddem għal aktar koperazzjoni sabiex tikber il-produttività u b’hekk il-ħaddiem ikun jista’ jgawdi minn kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin filwaqt li min iħaddem jieħu lura l-benefiċċju tal-investiment li jkun għamel.
Hawnhekk għandu sehem importanti d-djalogu soċjali ta’ pajjiżna. Djalogu li baqa’ jissaħħaħ matul is-snin. F’dan il-kuntest, wara t-tajjeb li għamel l-eks Chairperson tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD), il-Perit David Xuereb, ir-responsabbiltà tat-tmexxija tal-MCESD issa waqgħet fuq Maria Micallef, persuna rinomata sew fis-settur privat, li bl-esperjenza tagħha mistennija tkompli ttejjeb fuq dak li diġà sar.
L-MCESD huwa kruċjali fit-twettiq tal-policies tal-pajjiż u għalhekk il-Gvern irid jaċċerta li jkompli dejjem jissaħħaħ bl-għodda kollha neċessarja. Ninnutaw ukoll li fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jniedi l-Young Shapers Forum li se jagħti opportunità lil studenti tas-sekondarja jgħidu tagħhom u jkunu parti mid-diskussjoni fi ħdan l-MCESD. Dan kollu jikkonferma kemm il-Gvern jemmen tassew fid-djalogu soċjali u fis-sehem taż-żgħażagħ fit-tfassil tal-futur ta’ pajjiżna.
Għalhekk inħarsu ’l quddiem għal aktar tisħiħ f’dan ir-rigward. Dan jeħodna wkoll għal dak mistqarr mis-Segretarju Ġenerali tal-General Workers’ Union Josef Bugeja, li d-djalogu soċjali se jkun ċentrali: pajjiżi li jinkludu lill-ħaddiema fid-deċiżjonijiet ekonomiċi, teknoloġiċi u soċjali se jibqgħu reżiljenti u kompetittivi. It-tbassir tal-GWU huwa wieħed ċar: dak li fl-2026, id-djalogu soċjali mhux se jkun għażla, iżda se jkun essenzjali.
Dan anke fl-isfond li din is-sena mistennija tkun sena oħra ta’ suċċess ekonomiku, li jwassal għal aktar ġid li mbagħad jinfirex fost il-Maltin u l-Għawdxin.



