Thursday, July 30, 2026
Home Sport ‘Għalkemm kull tip ta’ sport huwa sabiħ, huwa importanti li wieħed jiftakar...

‘Għalkemm kull tip ta’ sport huwa sabiħ, huwa importanti li wieħed jiftakar li jrid ikun dixxiplinat u lest li jagħmel is-sagrifiċċji’ – Luke Brincat

0
49

 

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-bodybuilding?

Il-passjoni tiegħi għall-bodybuilding tmur lura għal meta kont għadni tifel, hekk kif dejjem kont nammira l-fiżika muskolari. Fl-età ta’ 18-il sena bdejt nattendi l-gym b’mod regolari. Ftit snin wara, iltqajt mal-mara tiegħi li b’kumbinazzjoni kienet tipprattika l-istess sport. Il-fatt li bdejna neżerċitaw flimkien tani l-appoġġ meħtieġ biex niffoka aktar fuq id-dixxiplina tiegħi. Illum, il-bodybuilding mhuwiex biss sport għalija, iżda għodda b’saħħitha li tgħinni nżomm bilanċ mentali u pożittività f ’ħajti.

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa bħala atleta?

L-ewwel darba li kkompetejt kienet fl-2017 fil-kompetizzjoni The Battle, taħt

l-awspiċi tal-Federazzjoni tal-IFBB, fejn ksibt l-ewwel post fil-kategorija tiegħi. Wara din l- esperjenza, komplejt niffoka aktar biex intejjeb il-fiżika estetika tiegħi. Fl-2022, irrappreżentajt lil pajjiżi fil-Maċedonja għall-ewwel darba; hemmhekk ġejt fil- ħames post, esperjenza li minnha tgħallimt ħafna mill-iżbalji tiegħi. Fil-fatt, ġimagħtejn wara erġajt irrappreżentajt lil Malta u ksibt it-tieni post fil-klassi tiegħi.

Wara dan, xtaqt nesperjenza kompetizzjoni akbar u ħadt sehem fl-European Championships f ’Santa Susanna. Hemmhekk tikkompeti mal-aqwa atleti tad- dinja f ’livell għoli ħafna, u ksibt it-tnax-il post. Fl-2023, erġajt ħadt sehem f ’The Battle fil-kategorija ‘open class’, fejn ikkompetejt ma’ atleti ta’ kull tul u ksibt it-tieni post. Fl-istess sena, ħadt sehem ukoll fl-International Grand Prix Malta u fil-Mediterranean Championship, fejn ksibt it-tielet post.

Kif tqis illivell tal bodybuilding fpajjiżna filpreżent?

Rigward il-livell tal-bodybuilding f ’pajjiżna, inħoss li għad fadal ħafna fejn naħdmu aktar. Id-differenza li nara meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra hija kbira ħafna, speċjalment meta tqis li ċerti atleti barranin jgħixu biss għal dan l-isport. Mill-banda l-oħra, l-atleti Maltin ikollhom jagħmlu sagrifiċċji kbar, peress li wieħed irid jibqa’ għaddej ukoll bix-xogħol personali tiegħu biex imantni dan

l-istil ta’ ħajja!

Kif tqis il-mentalitá tal-isport f ’pajjiżna?

Inħoss personalment li għadna lura f ’dan l-isport, peressli mhuwiex meqjus bħal sports oħra bħall-futbol; speċjalment fejn jidħol l-għoti ta’ ‘special leave’ għall-atleti. Aspett pożittiv ħafna huwa li llum il-ġurnata, il-Gvern nieda skema ta’ appoġġ għall-attività fiżika fost iż-żgħażagħ, fejn dawn jistgħu jibbenefikaw minn sitt xhur ta’ sħubija fil-gym (‘gym membership’) b’xejn. Permezz ta’ din l-inizjattiva, iż-żgħażagħ qed jingħataw l-opportunità li jibdew jattendu għal attività fiżika minn età żgħira.

U dak tar-riżorsi fejn intom l-atleti titħarrġu u jkollkom il- kompetizzjonijiet uffiċjali tagħkom?

Bis-saħħa u l-ħidma kbira tal-president tal-għaqda, Ralph Decelis, u t-tim tal-IFBB Malta, din il-federazzjoni dejjem miexja ‘l quddiem. Qed jiżdiedu b’mod kostanti l-kompetizzjonijiet, bħall-Fitness Challenges kemm għat-tfal kif ukoll għall-kbar, u dan kemm fuq livell lokali kif ukoll barra minn xtutna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-bodybuilding?

Għall-futur tiegħi fil-bodybuilding, ix-xewqa hi li nerġa’ nikkompeti biex b’hekk dejjem nibqa’ nitgħallem u nikber f ’dan l-isport. Aktar milli għar-riżultat biss, nagħmel dan għax nemmen li jekk tibqa’ konsistenti u b’saqajk mal-art, ir-riżultat jiġi waħdu maż-żmien.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-bodybuilding.

Il-messaġġ li nixtieq ngħaddi huwa li, għalkemm kull tip ta’ sport huwa sabiħ, huwa importanti li wieħed jiftakar li jrid ikun dixxiplinat u lest li jagħmel is- sagrifiċċji. Fl-isport tal-bodybuilding, is-sagrifiċċju huwa kbir, speċjalment waqt id-dieta; trid tkun ippreparat għaliha kemm fiżikament kif ukoll mentalment. Fl-aħħar mill-aħħar, ħaġa importanti ħafna hija r-rispett, kemm lejn in-nies ta’ madwarek waqt il-preparazzjoni għall-kompetizzjonijiet, kif ukoll lejn l-atleti l-oħra, kemm dawk lokali kif ukoll internazzjonali.