Friday, May 3, 2024

Djar tat-tfal megħjuna mill-forzi dixxiplinati

Aqra wkoll

Fuq inizjattiva meħuda mill-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi,  ħaddiema mill-forzi dixxiplinati xtraw ikel u ħtiġijiet oħra biex jingħataw lil numru ta’ djar tat-tfal.  Ingħatat ukoll għotja lill-foodbank biex ikunu megħjuna persuni li jirrikorru għandhom.  

L-għan tal-inizjattiva kien li b’għotjiet żgħar mingħand bosta individwi, diversi djar ikunu megħjuna fil-provvista ta’ affarijiet meqjusa essenzjali. Wara li nġabru mingħand il-ħaddiema fl-entitajiet, l oġġetti ttieħdu mill-istess ħaddiema f’numru ta’ djar tat-tfal nhar it-Tlieta filgħodu.  

“Bi sforz żgħir mingħand ħafna persuni ridna nagħmlu differenza fil-ħajja ta’ dawn it-tfal u anke ta’  dawk li jmexxu d-djar tagħhom. Konxji ta’ kemm il-persuni li jagħtu ħajjithom għat-tmexxija ta’  dawn id-djar ikollhom fuq moħħhom il-bżonnijiet ta’ kuljum, għalhekk ridna ngħinuhom itaffu ftit  minn dan il-piż imqar jekk għal ftit ġimgħat jew xhur,” qal il-Ministru Byron Camilleri li wkoll ta  daqqa t’id fit-tqassim tal-ikel.  

Il-Ministru Camilleri fisser li f’dawn iż-żminijiet wieħed irid jaħseb f’min hu iktar vulnerabbli. “Tul  l-aħħar snin il-gvern ħadem kemm felaħ biex inaqqas il-faqar iżda jibqa’ persuni li filwaqt li nibqgħu  nniedu inizjattivi għalihom niftakru fihom b’xi għotja jew volontarjat f’dawn iż-żminijiet. Dik hi l qalb tal-Maltin”, qal il-Ministru Camilleri.  

L-attività spiċċat fi Pjazza Kastilja fejn bħala parti mill-inizjattiva nxtraw ukoll rigali għall-inizjattiva  ‘Rigal b’Imħabba’.  

L-entitajiet li pparteċipaw kienu l-Korp tal-Pulizija, id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Forzi  Armati ta’ Malta, l-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi u l-LESA.

Sport