Saturday, December 21, 2024

Djokovic jitlef l-appell rigward il-viża u se jiġi deportat mill-Awstralja

Aqra wkoll

Novak Djokovic ma rnexxielux jikkonvinċi lit-tliet imħallfin anzjani bid-dritt tiegħu li jibqa’ Melbourne biex jikkompeti fl-Australian Open u issa qed jiffaċċja d-deportazzjoni – wara li l-avukati tal-gvern argumentaw li t-tennista Serb sar “ikona u idolu” għal dawk in-nies li huma kontra l-vaċċin.

L-appell ta’ Djokovic instema’  fil-Qorti Federali nhar il-Ħadd fl-aħħar tentattiv biex jibqa’ u jikkompeti għat-titlu li rebaħ l-istaġun li għadda fejn kien ukoll qed jittama li jirbaħ dan it-tournament għall-10 darba. 

Il-Prim Imħallef James Allsop, l-Imħallef Anthony Besanko u l-Imħallef David O’Callaghan, iddeċidew unanimament li Djokovic ma kellux raġunijiet biex jikkontesta l-ordni ta’ deportazzjoni tal-Ministru tal-Immigrazzjoni, Alex Hawke.

Is-Sur Hawke uża s-setgħa diskrezzjonali tiegħu nhar il-Ġimgħa wara nofsinhar biex jiddeporta lil Djokovic minkejja deċiżjoni tal-qorti l-ġimgħa li għaddiet favur tiegħu.

Iżda l-proċeduri kienu kollha kontra Djokovic qabel mar  għas-seduta tal-Ħadd minkejja r-rebħa preċedenti tiegħu fil-qorti, minħabba li s-setgħa tas-Sur Hawke hija tant qawwija.

Il-Prim Imħallef James Allsop ried jiċċara li Djokovic ma kienx nieda appell uffiċjali kontra d-deċiżjoni tas-Sur Hawke. Minflok, kellu l-opportunità li l-imħallfin jirrevedu l-ordni abbażi tal-mertu tagħha.

Kien meħtieġ li l-avukati ta’ Djokovic riedu jġibu l-provi quddiem il-qorti li s-Sur Hawke aġixxa b’mod irrazzjonali jew legalment irraġonevoli fl-għażla li juża s-setgħat diskrezzjonali tiegħu.

Ir-raġunijiet sħaħ għad-deċiżjoni se jiġu rilaxxati fil-jiem li ġejjin.

L-Imħallef Allsop aktar kmieni qal li aċċetta li Djokovic jista’ jitqies bħala ‘stilla emblematika tal-isport li qed tagħti eżempju li mhux ideali li jiġi segwit’.

“Jekk is-Sur Djokovic rebaħ l-Open, kif għamel fil-passat, hemm eżempju mdaħħal fir-raġunament tal-Ministru li dan huwa eżempju għal dilettanti żgħażagħ u mhux daqshekk żgħażagħ tat-tennis.”

Il-gvern ma indikax jekk hux se jieħu l-għażla li jipprevjeni lil Djokovic milli japplika għal viża biex jidħol l-Awstralja għat-tliet snin li ġejjin.

Ekonomija

Sport