Tuesday, June 17, 2025

DNUB

Aqra wkoll

Sa fejn nista’ nara ftit ingħata importanza imma r-rapport jistħoqqlu jinqara sew. B’kitba oġġettiva u fattwali, jevalwa b’mod intelliġenti s-suċċess ekonomiku tal-pajjiż u jagħti ħarsa akuta lejn fejn qed jitfaċċaw (jew jistgħu jitfaċċaw) xquq ta’ dgħufija fil-binja ekonomika tal-lum. 

Ir-rapport hu dak li ħejjiet il-Kummissjoni Ewropea dwar Malta għas-semester tar-rebbiegħa, kif jissejjaħ – eżerċizzju li fih il-Kummissjoni tagħmel  analiżi ta’ kull ekonomija fl-Unjoni Ewropea u toħroġ bir-rakkomandazzjonijiet tagħha. Għalhekk ir-rapport jinqasam f’żewġ sezzjonijiet, li jsegwu mudell prattikat mill-Fond Monetarju Internazzjonali meta wkoll jirrapporta dwar l-ekonomiji membri tal-Fond. Parti jkun fiha l-konklużjonjiet u r-rakkomandazzjonijiet lill-gvernijiet; hi din li l-aktar tinqara u tiġi diskussa. It-tieni parti tiġi preżentata bħala “Working Document” tal-istaff tal-Kummissjoni u jkun fiha deskrizzjoni wiesgħa ta’ fejn u kif iqumu s-suċċessi u jistgħu jinqalgħu l-problemi. 

Dnub li dit-tieni parti mir-rapport ftit li xejn issemmiet. Tqajjem kwistjonijiet dwar l-iżvilupp ekonomiku fostna li jistgħu faċilment iwasslu għal kriżi.

KLIMA

Il-ħidma kontra l-bidla fil-klima m’għadhiex priorità għall-Ewropa. Dawk li huma mpenjati fil-paniġierki favur l-Unjoni Ewropea akkost ta’ kollox, żgur se jgħidu li dan mhu veru xejn. Oħrajn li huma aktar kawti u realistiċi, mhumiex daqshekk ċerti. Wara kollox, jafu li l-fondi li tiddisponi minnhom l-Unjoni Ewropea huma limitati u ħafna stati xejn ma togħġobhom l-idea li jpoġġu aktar riżorsi fil-karus ta’ Brussell. 

Fl-aħħar ftit snin, telgħu fuq quddiem nett żgur żewġ prioritajiet: dik li l-Unjoni Ewropea tinvesti/tonfoq aktar u aktar fuq difiża u sigurtà u dan bħala Unjoni; u li tmexxi programmi ġodda li jfittxu kif l-ekonomija Ewropea se ssir aktar kompetittiva, qasam fejn waqgħet lura. It-tnejn iridu finanzjamenti ġodda għalihom. Biex dawn jinstabu, bilfors ikollhom jitnaqqsu minn dak maħsub għal proġetti oħra, fosthom dwar il-ħidma kontra l-bidla fil-klima. Li bilfors ifisser tnaqqis fil-priorità tal-ħidma kontra l-bidla fil-klima.

IMWIET U KOLLASSI

Aktar mal-affarijiet jinbidlu, aktar jibqgħu l-istess: smajna dan l-ilment kemm-il darba fi “proverbju” vvintat fi Franza aktar minn seklu ilu. L-agħar dwaru hu meta jinvolvi inċidenti li jiswew il-ħajja tan-nies. Fuq quddiem nett naraw dan jiġri fil-qasam tat-traffiku u f’dak tal-kostruzzjoni.

Dis-sena n-numru ta’ inċidenti fatali tat-traffiku (l-maġġoranza ta’ motoċiklisti) baqa’ jiżdied minn xahar għal xahar. Fl-istess żmien rajna aktar inċidenti, uħud fatali, jinqalgħu fuq lantijiet tax-xogħol tal-bini. Hu minnu li qed jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha possibbli? Diffiċli tgħid għax għadha qawwija wisq fostna l-prattika ta’ qbil mal-fehma ta’ spiss żbaljata– uffiċjali jew le – li kull ma seta’ jsir, żgur sar… 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport