Saturday, September 20, 2025

“Dokument b’konklużjonijiet inkoraġġanti”- Alfred Sant iħares lejn id-Dokument ta’ qabel il-Budget ukoll b’mod kritiku…

Aqra wkoll

Kif jerġa’ jikkonferma d-Dokument ta’ qabel il-baġit, fiċ-ċirkostanzi attwali tal-ekonomija Ewropea u dik dinjija, il-qagħda ekonomika u finanzjarja ta’ Malta hija tajba għal tajba ħafna. M’hemmx dubju dwar hekk.

Il-perspettivi fuq medda medja ta’ żmien jidhru pożittivi sew anke jekk se jsiru aktar moderati milli kienu fl-aħħar snin. Dan japplika għar-rata ta’ tkabbir ekonomiku li baqgħet kważi l-ogħla fost il-membri tal-Unjoni Ewropea; tad-defiċit tal-gvern li qed jinżamm taħt kontroll u jitnaqqas skond il-miri li kienu ssettjati mal-Kummissjoni Ewropea; tal-impjiegi li għadhom jiżdiedu; tal-konsolidament fl-oqsma tas-servizzi soċjali li qed isir skond iddisinjar intelliġenti f’ħafna każi.

Biss ikun tajjeb li wara li jiġu reġistrati dawn il-konklużjonijiet inkoraġġanti, nieħdu r-riskju li nitqiesu ta’ Kassandra billi nħarsu lejn id-Dokument ta’ qabel il-baġit ukoll b’mod kritiku.

Iċ-ċirkostanzi politiċi attwali fl-Ewropa u lil hinn minnha huma inċerti. L-ekonomija Ewropea mhijiex tiffjorixxi. L-isfidi qawwija li qed joħloq il-President Trump qed jiddestabilizzaw is-swieq globali. Il-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna qed tkompli tiħrax u l-Ewropej se jkollhom iġorru aktar mill-piżijiet tagħha. Il-finanzi tal-akbar membri tal-Unjoni Ewropea u tar-Renju Unit (il-pajjiżi fejn jinsabu l-aqwa swieq ta’ pajjiżna) mhumiex sodi.

Il-mistoqsija tqum:  kemm se tkun kapaċi l-ekonomija Maltija – li s’issa weriet resiljenza tajba – tilqa’ għall-isfidi u l-problemi li se jinqalgħu billi fost affarijiet oħra, issostni u tkabbar il-produttività u l-investimenti tagħha u b’hekk tassew tibqa’ soda fil-futur (“future proof”)? Dwar hekk id-Dokument jista’ jitqies bħala xott u pjuttost vag jekk mhux ukoll nieqes minn preċiżjoni u konkretezza. Jagħti l-impressjoni li l-baġit ukoll se jkollu l-istess ritmu.

Għalhekk wieħed ikun jixtieq li l-baġit jindirizza wkoll dawn it-temi:

–kif se tittejjeb il-produttività “indiġena” biex it-titjib tal-produttività fl-ekonomija ma jibqax jiddependi żżejjed mill-ħidma ta’ barranin, kemm fis-saffi mħarrġa (finanzjarji, gaming, ċerti servizzi oħra) u f’saffi ta’ pagi baxxi (bini, tindif, trasport, servizz fi ħwienet…)?

–kif se jiġi żgurat li n-nefqa rikorrenti tal-gvern li baqgħet tiżdied b’rata wisq qawwija qed titmexxa b’mod effiċjenti tassew? Jeżistu suspetti ġustifikati li dan mhux qed jiġri.

–bl-istess mod, kemm qed jiġri li l-ispiża kapitali tilħaq il-miri ssettjati għaliha, kemm f’qasir żmien u kemm fit-tul? – x’qed iwassal għal ħala ta’ riżorsi u nefqa finali wisq ogħla minn dik ippjanata? Terġa’, f’oqsma bħall-edukazzjoni n-nefqa finali rikorrenti u kapitali li proporzjonalment tiġi fost l-ogħla fl-Ewropa mhijiex tagħti r-riżultati mistennija, b’numru sostanzjali ta’ studenti li joħorġu mis-sistema edukattiva bla tagħlim u taħriġ adekwat. X’se jsir dwar hekk?

–kif se nlaħħqu ma’ kemm bqajna lura fil-miri ambjentali (trattament tal-iskart, karozzi elettriċi, enerġija riċiklabbli… ) li dwar uħud minnhom ninsabu marbuta mal-Unjoni Ewropea?

B’xorti ħażina id-diskorsi tal-baġit baqgħu jsiru skont il-mudell ta’ ħamsin sena ilu: diskors ta’ sagħtejn, tlieta fejn tisma’ elenku ma jispiċċa qatt ta’ xi jkun sar jew ma sarx b’mod fejn titlef kull fil ta’ x’qed jingħad. Kieku f’diskors ta’ nofs siegħa jkollna tagħrif dwar il-proposti finanzjarji għas-sena d-dieħla inkwadrati b’risposti konkreti u impenjati dwar temi strateġiċi, fosthom dawk imqajma hawn fuq, is-suċċess li qed tikseb l-ekonomija Maltija u l-isfidi li qed taffaċċja, jidhru u jinftehmu aħjar minn kulħadd.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport