Monday, September 1, 2025

DOMANI

Aqra wkoll

Problema li mhix qed tiġi kunsidrata biżżejjed f’pajjiżna tikkonċerna l-użu li qed nagħmlu mir-riżorsi tagħna. Art u ambjent naturali, baħar, spazju in ġenerali u spazju urban, ilma, arja… Donnu li l-komunità Maltija temmen li r-riżorsi tagħha jew huma bla tmiem jew jiġġeddu waħidhom. Veru li jsiru bosta twissijiet dwar hekk, anke minn sorsi “uffiċjali” u governattivi. Imma l-pariri u r-rakkomandazzjonijiet li jinħarġu jinżammu l-aktar fuq l-ixkaffa.

Id-dilemma saret li t-tkabbir ekonomiku qawwi li baqa’ jseħħ qed iġorr kollox quddiemu. Hu tkabbir bla preċedent, eċċezzjonali fl-istorja kollha tal-pajjiż. U dat-tkabbir ma jidhirx li se jirtab malajr (għalkemm qatt ma tgħid kif se jiżviluppa l-futur qarib jekk…). Imma xterdet il-fehma li rridu nibqgħu naħilbu r-riżorsi tagħna bl-istess ritmu tal-aħħar snin, inkella kollox jaqa’ lura jekk ukoll ma jogħtorx. Din hi varjazzjoni fuq it-tema ta’ kanzunetta qadima Italo-Amerikana: Għada ma jasal qatt. Lil hinn minn kull rakkomandazzjoni jew parir li ninjoraw, niddubita kemm dan hu parir siewi għal pajjiżna.

STĦARRIĠ TAS-SEWQAN

Id-deċiżjoni tal-gvern li jdaħħal fit-toroq it-testijiet tas-sewwieqa għal alkoħol u drogi anke jekk ma jkunx hemm suspett qawwi imma b’mod ta’ bl-“bl-addoċċ” kienet korretta, għaqlija u f’waqtha. Għadd wiesgħa ta’ għaqdiet professjonali, kummerċjali u tal-volontarjat soċjali kienu qegħdin jappoġġjaw il-miżura.  Il-poplu wkoll intebaħ li l-għadd ta’ inċidenti serji u fatali baqa’ jiżdied, fil-maġġoranza tal-każi b’konsegwenza ta’ abbuż.

Proposta tat-tip li qed issir malajr setgħet toħloq reazzjoni negattiva għax tinħass li qed tippermetti żżejjed l-indħil tal-pulizija fil-ħajja privata taċ-ċittadini bla ebda raġuni valida. B’kif qed jitmexxew l-affarijiet issa, dan ma ġarax.  Minkejja x’jaħsbu xi wħud, il-possibiltà li d-dissent seta’ jitqajjem ma kinitx ċkejkna.

FEKRUNA

Waslu notizzji “informattivi” fid-djar jgħidulna kemm iffrankajna fl-aħħar snin flus mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Bilfors dan sinjal importanti ta’ kemm riesqa qrib elezzjoni ġenerali. 

Frankament is-sinjali wkoll huma li l-Partit Laburista għandu ċansijiet kbar li jerġa’ joħroġ rebbieħ. L-ekonomija għadha rrankata, il-gvern qagħad attent li jibqa jiżra’ l-feelgood ekonomiku waqt li wettaq ukoll titjib soċjali mhux żgħir u hu dubjuż kemm l-iżbalji, uħud minnhom konsiderevoli, li wettaq se jinżammulu bħala pedina ħażina fil-ġirja elettorali. 

Sadattant, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista baqgħet tqatta’ l-ġimgħat tara ’l min se jmexxiha. Ftit qed jirnexxilha tirkeb temi li huma tagħha biex twassalhom lill-poplu ħalli timmobilizzah warajha. Għat-tellieqa elettorali tinsab fil-qagħda tal-fekruna fil-ħrafa ta’ Esopu. Biss f’dal-każ biex tasal l-ewwel il-fekruna ma tistax isserraħ rasha li l-fenek se jieqaf jieħu nagħsa. Teħtieġ xi maniġġ differenti. 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport