Friday, December 13, 2024

“Domt 10 snin naħseb li jiena mara infertili – illum omm ta’ żewġ ulied”

Aqra wkoll

Meta mara tingħata l-aħbar li għandha tarbija qed tissawwar ġewwa fiha, hija aħbar speċjali. Iżda jekk tkun mingħalik li ma jistax ikollok tfal u f’daqqa waħda tiskopri li ħriġt tqila, tkun qisek erbaħt il-lotterija. Hekk ġralha Caroline Wortman, mara ta’ 30 sena minn Woodstock f’Georgia, li skont dijanjosi li saritilha meta kellha biss 18-il sena rriżulta li twieldet b’żewġ sistemi riproduttivi. Hija spjegat li t-tabiba qaltilha li dan kien ifisser illi hija se tkun infertili jew f’każ li tinqabad tqila kien se jkollha tqala kkumplikata u b’riskju għoli. Infatti, wara dan l-episodju hija tistqarr li “Domt għaxar snin sħaħ ngħid lili nnifsi li jiena mara infertili”.

Caroline ltaqgħet ma’ Nate Daniel Wortman (li llum il-ġurnata huwa r-raġel tagħha) fl-età ta’ 23 sena. Kif appena ltaqgħet miegħu, hija bdiet tħossha anzjuża dwar id-dubju li forsi ma jkollhiex tfal. Infatti, waqt l-intervista ma’ Natalie Morris taqsam mumenti ta’ tensjoni għax tirrakkonta kif “Meta bdejna noħorġu flimkien jien u r-raġel, kont naf li xtaq it-tfal, però min-naħa tiegħi ma kontx ċerta jekk qattx stajt naqtagħlu xewqtu”. B’sorpriża kbira għal din il-koppja li ngħaqdet fis-sagrament taż-żwieġ f’Settembru tal-2019, mhux talli kellhom wild, iżda għal wieħed kellhom tnejn. 

Caroline tirrakkonta kif fil-25 t’April tal-2020 hija bdiet tħoss xi ħaġa stramba f’ġisimha u kien f’dak il-mument li rrealizzat li l-period kien ittardjalha bi ftit jiem. Minnufih hija għamlet it-test tat-tqala u meta marret għand it-tobba ma’ żewġha skoprew li għandha seba’ ġimgħat tqala. L-ewwel tarbija twieldet fit-2 ta’ Jannar 2021 u semmietha Josie Magnolia Wortman. 

Sitt xhur wara, Caroline beda jaqbadha d-dardir. Għall-ewwel hija ssuspettat li forsi minħabba s-sewqan, però l-għada ddeċidiet li tagħmel it-test. Hija skopriet li meta kienet tqila bl-ewwel tarbija, hija kienet qed tesperjenza tqala oħra fl-istess ħin. Dan hekk kif sitt xhur wara li welldet l-ewwel tarbija, kellha madwar għaxar ġimgħat tqala.Hija spjegat li filwaqt li Josie kienet fl-utru tan-naħa tal-lemin, Brooks kien jinsab fl-utru tax-xellug. Brooks Daniel Hayes Wortman twieled fil-Boxing Day tal-2021. Minkejja li t-tqala kienet waħda normali, hija welldet lit-tieni tarbija ta’ 33 ġimgħa u ħamest ijiem, u t-tarbija nżammet disat ijiem l-NICU.

Caroline tagħlaq l-intervista tagħha ma’ Natalie Morries b’dan il-kliem: “Li tkun infertili u li tkun mingħalik li inti infertili huma żewġ affarijiet kompletament differenti minn xulxin, però permezz ta’ din l-esperjenza li għaddejt minnha jien nixtieq nagħmel kuraġġ lil dawk in-nisa li jixtiequ jsiru ommijiet sabiex ma jaqtgħux qalbhom.”

Ekonomija

Sport