Friday, December 20, 2024

Donatur regolari tad-demm jikkonvinċi aktar nies jagħmlu bħalu

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Raġel li l-Ħadd li għadda kellu jmur jagħti d-demm u ma setax jagħmel dan minħabba impenji oħra, madankollu dan patta għalih billi rnexxielu jikkonvinċi żewġ persuni oħra imorru dakinhar stess u jagħtu d-demm għall-ewwel darba. 

Sussegwentement l-istess raġel żamm it-tradizzjoni tiegħu u fil-fatt ta d-demm ilbieraħ, proprju fl-okkażjoni tal-Jum Dinji dedikat lid-Donaturi tad-Demm. Huwa ħa miegħu wkoll żewġ kollegi tax-xogħol li saru donaturi tad-demm għall-ewwel darba.

Il-ġest ta’ dan ir-raġel huwa riflessjoni tas-solidarjetà u kemm hawn persuni f’pajjiżna li jaħsbu fil-ġid ta’ għajrhom. Il-persuna involuta hu George Farrugia, donatur regolari tad-demm u li jaħdem bħala uffiċjal mas-servizzi ta’ detenzjoni. 

Dan is-sit mar fiċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fi Gwardamanġa fejn hemmhekk tkellimna ma’ Farrugia ftit mumenti qabel kien se jagħti d-demm. Huwa qalilna li minkejja li ma setax jagħti d-demm il-Ħadd li għadda, għamel dan ilbieraħ u miegħu ħa żewġ kollegi oħra.

“Il-Ħadd li għadda ma tajtx id-demm. Ġejt illum u ġibt tnejn oħra miegħi għall-ewwel darba. Bħal donnu l-Mulej riedni li nagħmel dan,” qal Farrugia li maġenbu kellu liż-żewġ kollegi tiegħu, Robert Massa u Ian Borg. 

Huwa kompla jgħid li hija xi ħaġa tassew sabiħa li persuna tagħti d-demm u li tħoss ċertu sodisfazzjon għax tkun qiegħed tagħmel il-ġid lill-oħrajn. “Affarijiet żgħar iżda li jfissru ħafna għal ħaddieħor.” 

Huwa appella biex dak li jkun ma jibżax mil-labra meta jmur jagħti d-demm. “Jekk il-labra se tidħol fix-xellug, ħares lejn il-lemin u ħalli f’idejn il-professjonisti t’hawnhekk. B’garanzija li lanqas tkun taf li daħlet u ħarġet il-labra.”

“Li hu żgur hu li xħin tlesti, tħoss sodisfazzjon kbir li dak li tkun għamilt, għamiltu għall-ġid u ma jkunx swielek flus. Kulma jkun swielek ftit ħin,” temm jgħid Farrugia. 

Intant, dan is-sit tkellem ukoll mad-Direttur taċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm Dr Monique Debattista, li enfasizzat dwar l-importanza li l-ammont ta’ demm ma jkunx nieqes u dan jista’ jsir biss jekk aktar nies jersqu biex jagħtu d-demm. 

“L-użu tad-demm qiegħed dejjem jiżdied. L-appell jibqa’ wieħed – ibqgħu fidili mhux biss lejna imma wkoll lejn il-pazjenti tagħna u min hu b’saħħtu jiġi u jagħti d-demm. 

“Is-sodisfazzjon li tieħu wara dik it-tingiża hi kbira. Min qatt ma prova u ġie l-ewwel darba jgħidlek dak kollox?,” qalet Dr Debattista li nnotat li lbieraħ kien hemm ammont ta’ nies li resqu ‘l quddiem biex jagħtu d-demm. Qalet li l-importanti huwa li n-nies jibqgħu jikkonkorru sabiex tinżamm stabbli l-provvista tad-demm tul il-ġimgħat u x-xhur kollha tas-sena.  

Ekonomija

Sport