Wednesday, April 24, 2024

Donaturi tad-Demm mill-Bank of Valletta

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

34 impjegat tal-Bank of Valletta, li minnhom 9 kienu donaturi ghall-ewwel darba, minn jeddhom taw id-demm waqt Blood Donation Drive organizzata mill-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mas-Servizzi Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm.

Kull sena, ħafna pazjenti huma grati għall-att ġeneruż ta’ dawk li jagħtu d-demm. Demm mogħti huwa integrali għas-sostenn tat-trattament ta’ tfal żgħar, nisa li għandhom bżonn demm wara li jwelldu u pazjenti li jgħaddu minn operazzjonijiet kbar. Skond studju mmexxi mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa fl-2020, ġiet irrappurtata żieda ta’ 7.8 miljun donazzjoni ta’ demm minn donaturi b’mod volontarju bejn l-2013 u l-2018.

Is-Sur Tony Micallef, ko-ordinatur għas-Servizzi tat-Trasfużjoni tad-Demm irringrazzja lill-impjegati tal-BOV talli fuq bażi regolari jilqgħu l-istedina għall-għoti tad-demm. “It-talba għat-trasfużjonijiet wara l-għeqqel tal-pandemija COVID-19 żdiedet sew. Dan għall-fatt li dawk l-operazzjonijiet li ma kienux urġenti u ġew kanċellati minħabba l-pandemija, issa qed isiru b’rittmu mgħaġġel, u ma dan wieħed jista’ jinkludi anke ċerti trattamenti għall-mard kroniku. Għaldaqstant inizjattiva f’din hi essenzjali biex is-servizz tas-saħħa jibqa’ għaddej, u fuq kollox il-morda li jinħtieġu d-demm jieħduh mingħajr stennija”.

Il-Bank jorganizza tliet Blood Drives fis-sena fejn l-impjegati huma mħeġġa jagħtu d-demm sabiex jgħinu jsalvaw kemm jista’ jkun ħajjiet. Il-BOV Blood Donation Drive saret ukoll parti kruċjali minn programm ta’ CSR tal-Bank.

Jes Sciberras, ko-ordinatur tal-BOV Blood Donation Drive spjega kif l-organizzazzjoni ta’ inizjattivi bħal dawn saret saħansitra aktar diffiċli mindu faqqgħet il-pandemija tal-COVID-19, hekk kif id-donaturi qed jaħsbuha darbtejn jekk għandhomx jagħmlu donazzjoni. “Bl-appoġġ sħiħ tat-tim tal-BOV u taħt il-gwida esperta tat-Taqsima tat-Trasfużjoni tad-Demm, aħna qegħdin nerġgħu nappoġġjaw dan l-att qalbieni. Kull donazzjoni tgħodd u tista’ tkun ukoll ġest li jsalva l-ħajja kemm għal xi ħadd li ma nafuhx kif ukoll xi ħadd qrib tagħna. Id-distanza soċjali m’għandhiex għalfejn tfisser diżimpenn soċjali.”

Qatt mhuwa tard wisq biex ssir donatur tad-demm. Sempliċiment żur iċ-Ċentru Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm fil-Pietà bejn it-8am u s-6pm. Għal aktar informazzjoni idħol fuq www.facebook.com/bloodmalta jew ċempel fuq 8007 4313 jew 7930 7307. Tista’ wkoll issegwi l-eżempju tal-Bank of Valletta u torganizza Blood Donation Drive fil-post tax-xogħol tiegħek. 

Artiklu preċedenti
Artiklu li jmiss

Sport