“L-ikla għal Puttinu fl-Awstralja kelli f’moħħi li tkun ir-rigal t’ommi f’għeluq it-80 sena tagħha forsi tkun tal-aħħar u fil-fatt hekk ġara għax għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem tliet ġimgħat ilu”. Iddikjara dan Antoine Azzopardi hekk kif ilbieraħ ippreżenta €10,000 lil Puttinu Cares.
Fil-kummenti tiegħu, Antoine qal li kollox seħħ malajr qabel faqqgħet il-pandemija lura fl-2020. Akkumpanjat mill-kantant Mike Spiteri li offra spettaklu lill-Maltin fl-Awstralja u l-kok Karl Micallef, Antoine kien irnexxielu jorganizza din l-attività fi ftit ġimgħat.
L-attività bdiet tiġi organizzata minn hawnhekk u sa minn ġimgħat qabel telgħu l-Awstralja, kellhom iwaqqfu l-bookings minħabba l-ammont ta’ persuni li kienet tesa s-sala. F’madwar erba’ sigħat u nofs huma kienu ġabru s-somma sabiħa ta’ $18,405 u minn attività żgħira spiċċat waħda mill-aħbarijiet prinċipali fuq il-midja tal-Maltin fl-Awstralja.
Din ma kinitx l-ewwel darba li Antoine għen mill-qrib liċ-ċkejknin morda u lill-familji tagħhom hekk kif matul is-snin huwa organizza ikliet bla ħlas bħala ringrazzjament lill-voluntiera ta’ Puttinu Cares u laqa’ fir-ristorant tiegħu wkoll diversi familji li ġew bżonn l-għajnuna tagħhom.