Sunday, December 22, 2024

Donazzjoni ta’ Atlas Insurance lil SOS Malta b’risq it-tfal f’Gaza

Aqra wkoll

Atlas Insurance din is-sena affermat mill-ġdid l-impenn tagħha għall-benessri globali b’donazzjoni lil SOS Malta b’risq l-inizjattiva ta’ għajnuna għall-iżvilupp barra minn xtutna. Id-donazzjoni ġiet ippreżentata mill-Kap Eżekuttiv ta’ Atlas Insurance Matthew von Brockdorff lill-Membru Fundatur u Amministratur tal-Bord ta’ SOS Malta Claudia Taylor East.

Il-fondi mogħtija minn Atlas Insurance se jiġu mgħoddija minn SOS Malta lill-għaqda internazzjonali Save The Children, u se jkunu ddedikati biex itaffu t-tbatijiet li jħabbtu wiċċhom magħhom it-tfal ta’ Gaża, u jipprovdulhom sors ta’ serħan u tama tant meħtieġa f’dan dan iż-żmien tal-gwerra. Id-donazzjoni se tintuża speċifikament biex tiffinanzja strutturi tal-logħob li joħolqu spazji sikuri li fihom it-tfal jistgħu jipparteċipaw f’attivitajiet divertenti u edukattivi taħt is-superviżjoni professjonali ta’ ħaddiema soċjali bħala parti minn programm ta’ għajnuna psikosoċjali.

Matthew von Brockdorff ikkummenta: “Din id-donazzjoni hija ispirata mill-importanza li nagħtu lil dawk li huma l-aktar vulnerabbli u l-għarfien tagħna li, fi żminijiet ta’ gwerra, l-impatt fuq ħajjiet innoċenti huwa kbir ħafna. Jien kburi bir-rispons ġeneruż ta’ Team Atlas għal din l-inizjattiva ta’ ġbir ta’ fondi, fl-ispirtu tal-kultura tagħna ta’ kompassjoni u xewqa ġenwina li nikkontribwixxi biex intejbu l-ħajja ta’ ħaddieħor b’modi sinifikanti.

Il-fondi miġbura permezz tal-isforz kollettiv tal-impjegati, flimkien mal-kontribuzzjoni tal-kumpanija, wasslu biex is-somma ta’ €3,000 ingħatat lil SOS Malta.

Filwaqt li rringrazzjat lil Atlas Insurance, Claudia Taylor East f’isem SOS Malta qalet: “Ejjew inkunu aħna li nibnu tama għat-tfal innoċenti maqbuda fil-kaos u s-sofferenza tal-gwerra. Flimkien nistgħu nagħmlu d-differenza.”

SOS Malta hija NGO Maltija li taħdem ma’ organizzazzjonijiet volontarji lokali u internazzjonali biex tgħin lin-nies li qed jesperjenzaw żminijiet ta’ kriżi u tipprovdilhom servizzi ta’ appoġġ u opportunitajiet biex jimplimentaw żvilupp u bidla f’pajjiżhom.

Ekonomija

Sport