Wednesday, December 25, 2024

Donny van de Beek jingħaqad ma’ Eintracht Frankfurt b’self

Aqra wkoll

Il-midfielder ta’ Manchester United, Donny van de Beek, issiġilla t-trasferiment tiegħu b’self ma’ Eintracht Frankfurt.

Il-player ta’ 26 sena se jingħaqad mat-team tal-Bundesliga għall-kumplament tal-istaġun, b’għażla li jbiddel it-trasferiment fi ftehim permanenti.

Van de Beek beda biss sitt logħbiet tal-Premier League għall-United minn mindu ffirma mingħand Ajax għal £35 miljun f’Settembru 2020.

Il-manager, Erik ten Hag, dan l-aħħar qal li l-internazzjonali Olandiż kellu bżonn jiċċaqlaq biex isalva l-karriera tiegħu. 

Huwa mifhum li Eintracht se jħallsu lill-United il-miżata tas-self u qed ikopru l-maġġoranza tal-pagi tiegħu.

Jekk iridu jagħmlu l-ftehim permanenti, il-ħlas huwa stabbilit għal £9.5 miljuni, b’£2.6 miljuni jkopru żidiet oħra.

Van de Beek għamel 62 dehra għall-Uni­ted fil-kompetizzjonijiet kollha, li fihom skorja żewġ goals.

Huwa kellu perjodu ta’ self ma’ Everton fl-2022 qabel ma rritorna mal-United, u tilef it-tieni nofs tal-istaġun li għadda b’injury serja fl-irkoppa.

Eintracht jinsabu fis-sitt post tal-klassifika tal-Bundesliga Ġermaniża, disa’ punti mill-ewwel erbgħa, u jinsabu fil-play-offs tal-Europa Conference League.

Il-Bundesliga tinsab fil-waqfa tax-xitwa u l-partita li jmiss ta’ Eintracht hija barra minn darhom kontra RB Leipzig fit-13 ta’ Jannar.

Ekonomija

Sport