Harry Kane rreġistra doppjetta biex għen lil Tottenham jegħlbu lil Crystal Palace bl-iskor ta’ 4-0 liema goals waslu fit-tieni taqsima.
Din ir-rebħa kienet tweġiba f’waqtha wara t-telfa f’darhom ta’ 2-0 kontra Aston Villa.
Wara taqsima mingħajr goals, fit-48 minuta kien Harry Kane li fetaħ l-iskor għal Spurs li kkonkluda mill-cros ta’ Ivan Perisic biex din kienet l-ewwel darba mill-15 ta’ Ottubru li t-team immexxi mill-coach, Antonio Conte, kien hu li fetaħ l-iskor.
Ħames minuti wara skorja t-tieni goal personali b’xutt fil-baxx lejn ir-rokna tax-xibka wara li rċieva minn Bryan Gil … biex skorja l-264 goal personali għal Spurs u għaldaqstant jinsab żewġ goals biss biex jilħaq ir-rekord tal-club ta’ Jimmy Greaves.
Barra minn hekk, din kienet it-300 partita tiegħu fil-Premier League, fejn kellu wkoll sehem kbir fiż-żewġ goals l-oħra meta pprodva l-assists lil Matt Doherty (68) u lil Son Heung-min (63) biex dan tal-aħħar skorja l-ewwel goal tiegħu mill-aħħar 12-il logħba.