Sirens……………..2
Santa Lucia……..1
F’konfront entużjażmanti mill-bidu sat-tmiem, kellha tkun doppjetta personali ta’ Kei Sano li tat rebħa ta’ 2-1 lil Sirens fuq Santa Lucia, bil-goals tal-Ġappuniż jaslu wieħed f’kull taqsima.
Santa Lucia kellhom lid-difensur Brażiljan, Rodolfo Soares, sospiż wara li tkeċċa fil-konfront preċedenti kontra Pietá Hotspurs, li fih il-Luċjani ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals għalihom jaslu minn doppjetta personali ta’ Kyrian Nwoko.
Kienu Sirens li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss sitt minuti, il-player Bulgaru, Ivan Vasilev Kolev, kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin li għaddiet ftit barra.
Santa Lucia wieġbu ħames minuti wara u fetħu l-iskor meta minn corner ta’ Yevheni Terzi, il-goalkeeper ta’ Sirens, Andrea Cassar, ma rnexxielux jikkontrolla bl-aħjar mod il-ballun li ntemm għand AYAD BLIE BI BAH, li minn taħt il-lasta tefa’ ġewwa, b’dan ikun l-ewwel goal tiegħu fil-Kampjonat Premier, bil-flokk tal-Luċjani.
Kienet meħtieġa reazzjoni mmedjata mit-team minn San Pawil il-Baħar u hekk għamlu fil-35 minuta, meta freekick ta’ Ricardo Calixto Correa Duarte sab ir-reżistenza tal-goalkeeper żagħżugħ ta’ Santa Lucia, Dylan Ciappara, b’din tkun il-ħames partita tiegħu matul dan l-istaġun għat-team tiegħu.
Huma komplew fuq l-offensiva u fit-42 minuta, konklużjoni minn barra l-kaxxa ta’ Kei Sano, wara li rċieva mingħand Rei Tachikawa, stampat mal-mimduda, b’Ciappara jmiss ftit il-ballun, u għalhekk irriżulta corner.
Tliet minuti wara, Sirens ġabu l-iskor indaqs meta wara li rċieva minn freekick ta’ Correa Duarte, KEI SANO, kien veloċi ħafna u deffes rasu f’nofs id-difensuri ta’ Santa Lucia u rnexxielu jilħaq l-għan ili kienu ilhom ifittxu Sirens, jiġifieri li jġibu l-iskor indaqs.
Fil-ħin miżjud, Santa Lucia, kienu għoddhom reġgħu marru fil-vantaġġ meta Dexter Xuereb minn ġol-kaxxa venven xutt b’saħħtu li sab lil Andrea Cassar attent li dawwar tajjeb f’corner.
Dan sabiex mill-azzjoni li segwiet il-captain tal-Luċjani, Jurgen Pisani, mix-xejn irnexxielu joħloq il-periklu, meta mid-distanza kważi ħasad għal kollox lil Andrea Cassar, li iżda dawwar f’corner.
Fil-ftuħ tat-tieni taqsima, Sirens, ħarġu ferm aggressivi u wara bis 18-il sekonda Ricardo Calixto Correa Duarte qabeż tajjeb lil Terzi, qabel kellu xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa li stampa mal-mimduda, b’din tkun it-tieni darba fil-partita, li Sirens laqtu l-mimduda.
Santa Lucia wieġbu fit-48 minuta meta Hehendosh approfitta minn żball ta’ Sirens, għadda tajjeb lejn Terzi, li kellu t-tentattiv tiegħu minn taħt il-lasta salvat b’mod stupend minn Andrea Cassar, li tajjar il-ballun, li ħabat ukoll mal-mimduda.
Huma komplew fuq l-offensiva u tliet minuti biss wara, reġa’ kien Terzi li ħoloq il- periklu meta kellu x-xutt tiegħu kważi minn tarf il-kaxxa, li għadda ftit għoli.
Fit-68 minuta Santa Lucia tilfu ċans tad-deheb li jsibu x-xibka meta konklużjoni mill-viċin ta’ Terzi, wara li rċieva minn cross ta’ Hehendosh, ġiet imdawra f’corner bi bravura minn Cassar, b’dan ikun ir-raba’ save deċisiv tiegħu f’din il-partita.
Iżda fis-86 minuta, kellhom ikunu Sirens li jiskorjaw il-goal tar-rebħa meta Degran Jackson indirizza ballun fit-tul fid-direzzjoni ta’ KEI SANO li nqata’ minn mad-difensur ċentrali Lorenzo Yoel Soares Fonseca, u żmarkat tefa’ ġewwa, b’dan ikun is-sitt goal tiegħu f’dan l-istaġun fil-Kampjonat Premier.
Huma komplew fuq l-offenisva u tliet minuti biss wara, il-captain Jacob Walker xeħet cross lejn Rei Tachikawa, li kellu x-xutt tiegħu jiġi mdawwar f’corner b’mod stupend minn Ciappara, biex evita telfa ikbar għal-Luċjani.
Sirens: 1-Andrea Cassar, 3-Gary Camilleri, 7-Kei Sano, 8-Rei Tachikawa, 10-Sean Cipriott (2-Daniel Zarb 91), 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 21-Armah Ayo Vaikainah, 23-Ricardo Calixto Correa Duarte (38-Stephane Sessegnon 89), 27-Ivan Vaselinov Kolev, 31-Degran Jackson Coach: Winston Muscat
Santa Lucia: 12-Dylan Ciappara, 3-Lorenzo Yoel Soares Fonseca, 5-Thomas Sebastian Rier, 6-Nicholas Pulis, 8-Robert Bairam, 9-Kyrian Nwoko, 10-Ayad Blie Bi Bah (27-Miguel Angel Alba 88), 14-Dexter Xuereb (21-Jamie Carbone 78), 17-Jurgen Pisani, 28-Yevheni Terzi, 88-Robert Hehedosh Coach: Vincenzo Potenza
Referee: Philip Farrugia
Ass. Referees: Alan Camilleri, Thomas Debono
Raba’ Uffiċjal: Slobodan Petrovic
Skorers: A. Blie Bi Bah 11 (STL), K. Sano 45, 86 (SRN)
Ammoniti: R. Tachikawa, G. Camilleri, I. Vaselinov Kolev, R. C. Correa Duarte (SRN), D. Xuereb, J. Pisani, Y. Terzi, R. Hehendosh (STL)
Player tal-Logħba: Ricardo Calixto Correa Duarte (SRN)