Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, ħatar lil Dr Brendan Zerafa bħala l-ewwel Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD. Il-ħatra ta’ Kap Eżekuttiv ġdid għall-MCESD tasal wara bidla fil-liġi li l-għan tagħha kien li tkompli ssaħħaħ l-operat u l-istruttura amministrattiva ta’ dan il-Kunsill. Il-Kap Eżekuttiv se jkun qed jaqdi wkoll l-irwol ta’ Segretarju tal-Kunsill.
Dr Zerafa huwa gradwat bħala Avukat mill-Università ta’ Malta u gradwa wkoll f’livell ta’ Masters fl-Università ta’ Lancaster fir-Renju Unit.
Fl-aħħar xhur Dr Zerafa serva fl-irwol ta’ Segretarju Eżekuttiv tal-MCESD. Qabel serva wkoll fi rwoli differenti fi ħdan il-Gvern ta’ Malta, fosthom fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, bħala konsulent fuq diversi materji legali, soċjali u ekonomiċi.
Is-Segretarju Parlamentari Andy Ellul qal li jemmen li Dr Zerafa hu persuna idonea sabiex tkompli ssaħħaħ u tmexxi ’l quddiem id-djalogu soċjali f’Malta permezz ta’ dan l-organu tant importanti. Irrefera għal-liġi li emendat l-operat tal-MCESD u qal li permezz tagħha se jkun qed jitwaqqaf il-Young Shapers Forum, miżura li kienet tħabbret fil-Budget għal din is-sena u li issa ġiet imwettqa, u li se tara l-parteċipazzjoni ta’ studenti tas-sekondarja fi ħdan l-MCESD. B’hekk, qal Dr Ellul, it-tfal qed jingħataw iċ-ċans li jfasslu mhux biss il-futur tagħhom, iżda anke l-preżent.