Dr Lydia Abela tħabbar edizzjoni oħra tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, bit-tema Melodija Maltija

Aqra wkoll

Nhar l-Erbgħa 9 ta’ Settembru, il-Palazz tal-Girgenti se jerġa’ jiftaħ il-bibien tiegħu għall-pubbliku għal edizzjoni oħra tal-kunċert ‘A Night at the Palace’, bit-tema ‘Melodija Maltija’.

L-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Kevin Abela, se tkun qed tagħti programm mużikali b’uħud mill-kanzunetti lokali li matul is-snin saru parti mill-identità kulturali ta’ pajjiżna.

Din l-edizzjoni se tkun qed tfakkar il-memorja tas-surmast Aurelio Belli, bħala turija ta’ rispett u rikonoxximent għall-kontribut dejjiemi tiegħu lill-mużika u lill-wirt kulturali ta’ pajjiżna, kif ukoll tas-sehem tiegħu f’edizzjonijiet preċedenti ta’ ‘A Night at the Palace’.

Mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, qalet li dan il-kunċert sar appuntament annwali li jgħaqqad il-mużika u l-kultura ma’ għan soċjali importanti. Hija spjegat li d-dħul kollu mill-bejgħ tal-biljetti, flimkien mad-donazzjonijiet li se jinġabru matul din il-lejla memorabbli, se jingħata lil Hospice Malta, sabiex tkompli tiġi appoġġata l-ħidma imprezzabbli li din l-għaqda twettaq fil-qasam tal-kura paljattiva.

 “Permezz ta’ din il-lejla mhux biss se niċċelebraw il-kanzunetta Maltija u t-talenti mużikali ta’ pajjiżna, iżda se nkunu wkoll qed nagħtu sostenn konkret lil Hospice Malta, lill-pazjenti li tassisti u lill-familji tagħhom,” qalet Dr Abela.

 Mart il-Prim Ministru rringrazzjat ukoll lill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta għas-sehem tagħha u għall-appoġġ li tagħti lil dan l-avveniment sena wara sena. Hija qalet li ‘A Night at the Palace’ hija opportunità sabiħa biex il-familji jiltaqgħu f’ambjent uniku u jgawdu flimkien spettaklu kulturali u li, fl-aħħar mill-aħħar, għandu għan nobbli.

 Il-Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta, Vanessa Mangion, qalet li l-Orkestra hija kburija li għal darb’oħra se tkun parti minn din l-inizjattiva. Hija sostniet li permezz ta’ avvenimenti bħal dawn, l-Orkestra qed tkompli ssaħħaħ il-missjoni tagħha li twassal il-mużika għand udjenzi differenti, tqarreb il-kultura mużikali lejn il-pubbliku u, fl-istess waqt, tagħti kontribut pożittiv u sinifikanti lill-komunità.

 Is-surmast Kevin Abela spjega li l-programm se joffri vjaġġ tul is-snin permezz ta’ kanzunetti Maltin li ħallew marka fl-istorja mużikali ta’ pajjiżna, b’arranġamenti orkestrali li se jagħtu dimensjoni ġdida lil dawn is-siltiet tant maħbuba.

 Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn fuq: A Night at the Palace għall-prezz ta’ €10  li se tmur kollha donazzjoni lill-Hospice Malta. Kull persuna tista’ tixtri sa massimu ta’ ħames biljetti.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport