Monday, December 23, 2024

Drago – It-tvenvin ta’ “Tornado Tony”, Dramm riflessiv dwar il-ħajja ta’ Tony Drago

Aqra wkoll

Kif forsi ħafna semgħu, bħalissa qed jittella’ d-dramm bijografiku bl-isem ta’ Drago – It-tvenvin ta’ “Tornado Tony”. Dan id-dramm miktub minn Andrè Mangion taħt id-direzzjoni ta’ Sean Buhagiar, jagħti ħarsa lejn il-ġrajjiet l-aktar ewlenin fil-ħajja ta’ Tony Drago.

Dan id-dramm mhuwiex wieħed tradizzjonali, dan għaliex jieħu sehem fih biss attur wieħed u kollox iseħħ madwar mejda tal-isnooker. Tista’ tgħid li l-maġġor parti ta’ Drago hija fil-fatt monologu riflessiv li madankollu jirnexxielha turi lill-udjenza min hu verament Tony Drago. Peter Galea li jinterpreta l-parti ta’ Tony, jirnexxielu jaħkem il-karattru protagonist sa mill-ewwel mument li fih jibda d-dramm. It-talent ta’ Galea jiġi rifless fil-fatt sa mill-ewwel xena. Fl-ewwel ftit sekondi, bl-għajnuna tad-direzzjoni viżiva u tal-awdjo ta’ Charlie Cauchi, l-udjenza tiġi ttrasportata fil-menti ta’ Tony, u bħal donnha minnufih tinsa li Galea huwa l-attur u tibda temmen li Peter Galea huwa fil-fatt Tony Drago. Forsi l-iżjed ħaġa impressjonanti kien il-fatt li Galea jirnexxielu jilgħab l-isnooker mingħajr ma jiżbalja darba u fl-istess ħin jibqa’ jinterpreta l-parti ta’ Drago mingħajr l-ebda ħjiel ta’ diffikultà. Hawnhekk tispikka bla dubju d-dedikazzjoni ta’ Galea għal din il-parti, dedikazzjoni li tagħmel dan id-dramm wieħed li jżomm lill-udjenza ffokata u ngaġġata l-ħin kollu.

Drago juri wkoll aspetti dwar Tony li forsi ftit hemm min jaf dwarhom. Tony Drago huwa magħruf l-aktar għall-ġieħ li għamel lil pajjiżna barra minn xtutna u għat-talent sportiv tiegħu. Dan id-dramm filwaqt li huwa ffokat fuq il-ħiliet ta’ Drago, juri wkoll l-umanità u l-fraġilità tiegħu bħala bniedem tad-demm u l-laħam, li jħoss u li għadda minn bosta esperjenzi li sawruh fil-bniedem li huwa llum. Tispikka pereżempju r-relazzjoni b’saħħitha li Tony għandu ma’ ommu Sina, tant li fid-dramm jgħidilna li għalih ommu hija l-boċċa bajda fuq il-mejda tal-isnooker għax mingħajrha ma tista’ tagħmel xejn. Issir ukoll referenza għall-fatt li tul ħajtu kien hemm persuni li daħqu b’Tony u dan wassal biex hu jsib diffikultà sabiex jafda lil dak li jkun u joħorġu wkoll il-biżgħat ta’ Drago bħal pereżempju l-biża’ tiegħu mill-ajruplan u l-fatt li ma jkunx irid jivjaġġa fil-maltemp.

Apparti li huwa bijografija ta’ Tony Drago, dan ix-xogħol kif qal tajjeb Dr. Mario Frendo, jista’ jitqies ukoll bħala “riflessjoni poetika ta’ soċjetà li kważi bilfors trid kontinwament titratta l-iżolament impost ġeografikament fuqha u il-possibbiltajiet li jeżistu jekk dan l-iżolament jiġi megħlub”.

Id-dramm tista’ faċilment tgħid li jagħlaq bil-kbir u jekk tkun ixxurtjat biżżejjed jaf ukoll tesperjenza sorpriża sabiħa ħafna. Jekk int dilettant tal-isport, tapprezza t-talent Malti u tħobb id-drama jew interpretazzjonijiet bijografiċi żgur li m’għandekx titlef din l-esperjenza. Drago se jibqa’ jittella’ kuljum sal-20 ta’ Marzu fit-8pm fis-Società Filarmonica Nazionale La Valetta, il-Belt Valletta. Għall-biljetti żur https://www.showshappening.com/Valletta-Cultural-Agency/DRAGO. 

Ekonomija

Sport