Saturday, May 4, 2024

L-MIA jappella għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet li fadal fuq l-ivjaġġar

Aqra wkoll

In-numru ta’ passiġġieri għax-xahar li għadda żdied b’seba’ darbiet fuq l-istess xahar fl-2021. Madankollu, dan l-istess numru ta’ 196,895 passiġġier, baqa’ 45.2% taħt iċ-ċifri rrappurtati fl-2019.

Domanda Mtejba għall-Ivvjaġġar bl-Ajru

Matul is-snin, it-traffiku tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għax-xagħar ta’ Frar dejjem kien aktar baxx jew marġinalment aħjar mit-traffiku ta’ Jannar. Din ix-xejra ma ġietx osservata fi Frar li għadda, hekk kif it-traffiku għax-xahar żdied b’24% fuq Jannar 2022.

Dan it-tkabbir notevoli juri li r-rilassament ta’ ċerti restrizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar, li ħafna minnhom ġew introdotti lejn l-aħħar tal-2021, wassal għar-rilaxx ta’ domanda għall-ivvjaġġar li kien ilha takkumula. Indikazzjoni oħra li dan it-tkabbir irriżulta minn domanda mtejba u mhux minn kapaċità miżjuda, kien it-tnaqqis ta’ 3% fis-seat capacity għax-xahar ta’ Frar meta mqabbel ma’ Jannar.

Is-seat load factor (SLF) ta’ Frar kien ta’ 70.7%, jiġifieri 5.1% biss aktar baxx minn dak irrappurtat fl-istess xahar fl-2019.

L-Aqwa Swieq

Fi Frar, ir-Renju Unit reġa’ tela’ fil-quċċata tal-lista tal-aqwa swieq tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Minn fost l-aqwa ħamest iswieq, ir-Renju Unit kellu l-aktar rata ta’ tkabbir b’saħħitha fuq Frar 2021, meta restrizzjonijiet strinġenti fuq l-ivvjaġġar bejn iż-żewġ pajjiżi kienu llimitaw it-traffiku għal biss 841 moviment tal-passiġġieri. L-Italja, Franza, il-Polonja u l-Ġermanja segwew ir-Renju Unit, u flimkien kellhom sehem mis-suq ta’ 42.3%.

Appell mill-Industrija

Airports Council International (ACI), li jirrappreżenta lil ajruporti madwar l-Ewropa inkluż l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, u l-International Air Transport Association (IATA) il-ġimgħa li għaddiet appellaw għat-tneħħija tar-restrizzjonijiet tal-COVID-19 li għadhom qegħdin ixekklu l-ivvjaġġar ħieles bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u dawk taż-żona Schengen, inklużi rekwiżiti ta’ ttestjar u l-ħtieġa li timtela Formola ta’ Lokalizzazzjoni tal-Passiġġeri (PLF).

“Ir-riżultati tat-traffiku tagħna għal Frar urewna biċ-ċar li, issa li għaddew sentejn minn meta l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddikjarat il-COVID-19 bħala pandemija, in-nies huma lesti li jibdew isiefru mill-ġdid. Min-naħa l-oħra, l-industrija tagħna qiegħda taffaċċja għadd ta’ inċertezzi u sfidi ġodda, bħal prezzijiet taż-żejt li qegħdin jiżdiedu u li x’aktarx ser ikollhom impatt fuq il-prezzijiet tal-biljetti tal-ajru, li qegħdin jirriżultaw mill-kunflitt fl-Ukrajna.

Issa li l-istaġun tas-sajf jinsab kważi magħna, huwa kruċjali li l-gvernijiet jagħtu widen għall-appell tal-industrija tagħna b’rabta mal-COVID-19. It-tneħħija tar-restrizzjonijiet li fadal mhijiex importanti biss sabiex tingħata spinta lill-kunfidenza tal-konsumatur, iżda anki sabiex l-operaturi fi ħdan l-industrija jingħataw il-kunfidenza sabiex jinvestu fin-negozji tagħhom u jħarsu b’ottimiżu lejn il-futur, f’dan il-punt tassew delikat,” qal il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg.

Sport