Monday, April 21, 2025

Draw bejn Floriana u Hamrun S. f’partita pjaċevoli

Aqra wkoll

Floriana ……………..0

Hamrun Spartans …0

Minn Cristian Muscat

Floriana u Hamrun Spartans temmew fi draw ta’ 0-0 u minkejja li dan il-konfront ma ppreżenta l-ebda goal kien wieħed movimentat u mill-aktar pjaċevoli.

Floriana kellhom lill-iskorer prolifiku Franklin Sasere sospiż.

Qabel il-partita ġiet osservata minuta silenzju għall- memorja tal-Papa Fran­ġisku li miet ilbieraħ filgħodu.

Kienu Floriana li ħolqu l-ewwel periklu u fid-disa’ minuta Jake Grech kellu xutt mill-viċin li ħareġ l-aħjar tal-goalkeeper, Henry Bonello, li dawwar f’corner.

Huma komplew jiddettaw il-logħob u fis-27 minuta, reġa’ kien Grech li ħoloq il-periklu b’xutt djagonali li kien devjat f’corner.

Żewġ minuti wara, l-istess Grech reġa’ mpenja lil Bonello li dawwar f’corner.

Hamrun wieġbu fit-32 minuta meta Raphael Lopes Silva approfitta minn żelqa ta’ Oualid El Hasni u kkros­sja iżda Cesar Menacho ma kkontrolla tajjeb biex il-goalkeeper, Christoffer Mafoumbi, ħareġ minn postu u antiċipa kull periklu.

Eżattament qabel il-mistrieħ, Floriana kellhom jeffettwaw sostituzzjoni sfurzata minħabba li weġġa’ Carlo Zammit Lonardelli, biex minfloku daħal jilgħab Aleandro Garzia.

Fit-tieni taqsima iż-żewġ timijiet ħarġu jfittxu l-goal iżda filwaqt li l-ballun beda tiela’ u nieżel, iż-żewġ difiżi bdew jantiċipaw lill-attakkanti avversarji hekk kif ftit li xejn tawhom spazju.

Imbagħad ħames minuti mit-tmiem, tkeċċa d-difensur Ħamruniż, Steve Borg, għat-tieni karta safra meta kkommetta foul fuq  Mafoumbi.

Fil-ħin miżjud, Floriana tilfu ċans tad-deheb li jiskorjaw il-goal tar-rebħa meta s-sostitut Gabriel Sotomayor ra lil Bonello jsalva tajjeb wara li ħareġ barra minn postu.

Huma komplew jippressaw u mumenti wara reġa’ kien Sotomayor li kien għoddu skorja iżda minn tarf il-kaxxa l-kbira naqas li jimmira lejn ix-xibka.

FLORIANA: 45-Christoffer Henri Mafoumbi, 4-Oualid El Hasni, 8-Jake Grech, 9-Elvis Masike Sukisa (14-Jork Eblin Becerra 77), 12-Dunstan Vella, 17-Owen Spiteri, 20-Matias Nicolas Garcia (10-Gabriel Sotomayor 77), 21-Carlo Zammit Lonardelli (77-Aleandro Garzia 45), 25-Julian Gonzalo Gamarra, 55-Alexandros Koutro, 94-Jose Fernando Junior Gomes   – Coach: Darren Abdilla

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Steve Borg, 10-Joseph Mbong, 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva, 20-Jovan Cadenovic (97-Mihael Clepac 79), 27-Ognjen Bjelicic, 91-Emerson Marcelina, 92-Cesar Menacho (8-Talison Lui Barboza 61), 94-Ryan Camenzuli, 99-Raphael Lopes Silva   – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Malcolm Spiteri

ASS. REFEREES: James Muscat, Duncan Spencer

RABA’ UFF: Glen Tonna

SKORERS: Ħadd

AMMONITI: S. Borg (2), J. E. Mbong, R. Lopes Silva (HS), M. N. Garcia, A. Garzia, G. Sotomayor, J. E. Becerra (F)

TKEĊĊA: S. Borg 85 (HS)

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport