Saturday, December 21, 2024

Draw ġust bejn Hamrun Spartans u Floriana

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Hamrun S. .…2

Floriana ……..2

F’partita li ttrasformat ruħha fit-tieni taqsima Hamrun Spartans u Floriana temmew fi draw ġust ta’ 2-2. Kienet partita ferm bilanċjata u akkanita li entużjażmat lill-mijiet ta’ partitarji li attendew għaliha bi ħġarhom.  

Hamrun kellhom lil Juan Carlos Corbalan minħabba injury filwaqt li Floriana kellhom jgħaddu mingħajr it-tliet players sospiżi, Kristian Keqi, Aleandro Garzia u Andrei Ciolacu.

Kienu Floriana li fetħu l-iskor proprju fl-ewwel az­zjoni perikoluża li ħolqu fit-12-il minuta  meta Eugeniu Rebenja xeħet cross fil-baxx li sab lil RYAN CAMENZULI li minn taħt il-lasti ma żbaljax.

Din kienet l-unika azzjoni denja fl-ewwel taqsima minħabba li l-logħob żvolġa f’nofs il-ground.

Fil-ftuħ tat-tieni taqsima Hamrun ħarġu ferm aggressivi fit-tentattiv li jiksbu d-draw u fil-50 minuta, cross-shot ta’ Joseph Mbong ġie salvat mill-goalkeeper Georgi Kitanov.

Floriana wieġbu żewġ mi­nuti biss wara bi free-kick insidjuż ta’ Brandon Paiber li ġie salvat mill-goalkeeper, Henry Bonello, megħjun mill-wieqfa.

Iżda fid-59 minuta l-Ispartans ġabu l-iskor indaqs meta Luke Gambin xeħet cross preċiż fil-kaxxa li sab lis-sostitut JORGE AILTON SOARES li permezz ta’ daqqa ta’ ras preċiża tefa’ l-ballun fir-rokna tax-xibka.

Huma komplew fuq l-offensiva u fit-62 minuta Joseph Mbong venven xutt b’saħħtu li iżda sab lill-goalkeeper Furjaniż attent. 

Madankollu, fil-65 minuta kienu Floriana li reġgħu marru fil-vantaġġ meta l-Armen RUMYAN HOVSEPYAN temm azzjoni perso­nali mill-isbaħ wara li qabeż tliet players permezz ta’ xutt fil-baxx li ntemm fir-rokna tax-xibka.

Iżda l-Greens bilkemm kellhom ċans jifirħu għal dan il-goal hekk kif appena għaddew ftit sekondi l-Ispartans reġgħu kisbu d-draw  meta minn through pass, FRANKLIN SASERE b’eleganza tefa’ l-ballun fix-xibka. 

Fid-79 minuta, Hamrun tilfu ċans tad-deheb li jiskor­jaw il-goal tar-rebħa meta xutt mid-distanza tas-sostitut Predrag Djordjevic ġie salvat minn Kitanov.

Fil-85 minuta il-Greens spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa d-difensur Oualid El Hasni għal żewġ karti sofor.

HAMRUN S.: 1-Henry Bonello, 4-Darko Gojkovic, 6-Matthew Guillaumier, 7-Joseph Mbong, 12-Arthur Oyama, 17-Franklin Sasere, 23-Luke Gambin (29-Predrag Djordjevic 78), 30-Karl Micallef, 44-Claude Dielna, 91-Emerson Marcelina (10-Jorge Ailton Soares 46), 92-Faissal El Bakhtaoui   – Coach: Mark Buttigieg

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend, 4-Oualid El Hasni, 5-Zachary Cassar, 6-Rumyan Hovsepyan, 10-Jose Ulises Arias (20-Matias Nicolas Garcia 65), 22-Brandon Paiber (99-Manolito Micallef 65), 28-Emiliano Callegari, 29-Eugeniu Rebenja (3-Christian Rutjens 87), 30-Jan Busuttil (17-Owen Spiteri 56), 94-Ryan Camenzuli  – Coach: Gianluca Atzori

REFEREE: Matthew Degab­riele

ASS. REFEREES: Jurgen Spiteri, Vasil Vasilev

RABA’ UFF: Andrea Sciriha

SKORERS: R. Camenzuli 12, R. Hovsepyan 65 (F), J. Ailton Soares 59, F. Sasere 66 (H)

AMMONITI: E. Marcelina, K. Micallef, L. Gambin, C. Dielna (H), O. El Hasni (F)

TKEĊĊA: O. El Hasni 85 (F)

Ekonomija

Sport