F’partita mill-isbaħ u li pproduċiet xejn inqas minn erba’ goals, l-Arġentina u l-Afrika t’Isfel naqsu milli jiksbu l-ewwel rebħa fil-kompetizzjoni meta temmew il-konfront ta’ konfront bejniethom fil-Forsyth Barr Stadium fi draw ġust ta’ 2-2.
L-Afrikani fetħu l-iskor fit-30 minuta meta Thembi Kgatlana għaddiet tajjeb lejn Linda Motlhalo li tefgħet il-ballun f’lasta vojta. Ta’nota huwa l-fatt li dan il-goal l-ewwel tħassar għal offside, iżda wara konsultazzjoni mal-VAR, il-goal ġie kkonvalidat.
Huma rduppjaw l-iskor fis-66 minuta meta Jemaine Seoposenwe serviet fuq platt tal-fidda lil Kgatlana li minn pożizzjoni ferm ideali tefgħet ġewwa.
Iżda l-Arġentina ma rmewx ix-xugaman anzi wettqu reazzjoni mill-aqwa u fl-74 minuta naqsu l-marġni tal-iskor permezz ta’ xutt mill-isbaħ minn tarf il-kaxxa ta’ Sophia Braun li ma ta l-ebda ċans lill-goalkeeper Afrikana, Stuart.
U ħames minuti biss wara, l-Arġentina ġabu l-iskor indaqs meta Yamila Rodriguez indirizzat cross preċiż lejn Romina Nunez li b’daqqa ta’ ras mill-viċin tefgħet ġewwa.