Saturday, December 21, 2024

DRITTIJIET MOGĦTIJA

Aqra wkoll

Naraha ħaġa mhux aċċettabbli f’demokrazija li meta drittijiet jingħataw — fis-sens li jiġu rikonoxxuti legalment — liċ-ċittadini, wara b’deċiżjoni politika, jittieħdu lura. Affarijiet hekk jiġru f’dittatura bħal dik tat-Taliban li wara li rebħu l-poter, neħħew mid-drittijiet li n-nisa kienu kisbu taħt ir-reġim ta’ qabilhom.

Imma bidliet simili ġraw dan l-aħħar fl-istat ta’ Texas fl-Istati Uniti u fil-Polonja rigward l-abort li qabel kien legali u jsir taħt ċerti kundizzjonijiet. Issa, b’bidliet fil-liġi, fiż-żewġ każi l-abort sar kważi impossibbli. Jidhirli li taqbel jew ma taqbilx mal-abort, bidliet hekk jiksru l-ftehim “mhux miktub” li jorbot soċjetà ċivili.

Meta jkunu nfetħu modi “ġodda” jew “differenti” ta’ għajxien, jekk terġa’ tagħlaqhom, qed tmur kontra l-ispirtu ta’ tolleranza u “fair play” li jagħti stabbiltà u paċi lis-soċjetà. B’hekk, anke avvanzi oħra, llum mitqiesa normali, bħat-tolleranza reliġjuża, jistgħu jispiċċaw għar-rimi.

***

KONTROLL FUQ X’JIĠRI MADWARNA

Bil-mod, miż-żmien tar-revoluzzjoni hekk imsejħa “industrijali”, bħala bnedmin tgħallimna naħsbu li kollox madwarna jista’ jiġi taħt il-kontroll tagħna. Nistgħu nagħrfu kif “nimmaniġġjaw” iċ-ċirkostanzi tas-soċjetajiet tagħna u l-ambjent li jdawwarna b’mod li nippjanaw il-preżent u l-futur. Sakemm ma jinqalgħux gwerer kbar, mondjali, dan kellu jwassal għal aktar progress fl-istabbiltà.

Biss, ġrajjiet li seħħew fl-aħħar snin donnhom qed jixxokkjawna lil hinn minn din il-fehma. Fil-mod kif affettwa s-soċjetajiet fejn ngħixu, it-terroriżmu ħarbat bil-kbir is-sens ta’ sigurtà li nbena. L-immigrazzjoni “irregolari” ħolqot diżgwid enormi fil-kollaborazzjoni politika u soċjali, u fost il-popolazzjonijiet.

Fuq livell usa’, it-tisħin tal-klima — maħluq mill-attività tal-bniedem — għadu bogħod milli jista’ jiġi kontrollat. U l-imxija tal-Covid-19 qed tkompli tgħarraq il-fiduċja li l-bniedem għandu xi ħakma fuq l-għodod li jservu biex iħarsuh.

Il-kontroll fuq x’jiġri madwarna għadu hemm, jekk qatt eżista?

***

POLITIKA TAL-BIEDJA

Il-proġett għat-tiġdid tal-politika Ewropea tal-biedja, talanqas għas-seba’ snin li ġejjin, miexi ’l quddiem. Ġimgħa ilu sab l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Imma għadu qed jiġi kkritikat bil-kbir kemm minn rappreżentanti tal-bdiewa u tal-kumpaniji kbar u żgħar li jipproċessaw il-prodotti tal-ikel; kemm minn interessi li jimbuttaw il-ħtieġa għal ħidma “ħadra” li tassew tħares l-ambjent u trażżan it-tisħin tal-klima.

Jintqal li l-produzzjoni ta’ laħam u ħxejjex fl-Ewropa qed titpoġġa taħt wisq piżijiet li se jnaqqsulhom qatigħ mill-kompetittività tagħhom fis-swieq internazzjonali. Jissemma kif il-mod li bih inħallu l-problemi tal-pajjiżi membri differenti quddiem kif se jobbligaw ruħhom li josservaw l-impenji meħtieġa fil-ħidma kontra l-bidliet fil-klima, tħallew wisq miftuħa biex ikunu effettivi.

Hu każ dan fejn kulħadd għandu raġun u kulħadd għandu tort.

Ekonomija

Sport